
Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.
IN-NAZZJON
IN-NAZZJON b’ritratt fil-paġna tal-quddiem tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li fisser il-ġurnata ta’ lbieraħ bħala storika għal Malta hekk kif fil-Parlament, l-Oppożizzjoni kompliet tagħti s-sehem kollu tagħha biex jiġi assigurat li istituzzjonijiet importanti f’Malta jissaħħu u jkunu qegħdin hemm biex iservu liċ-ċittadini u mhux ta’ paraventu għall-Gvern tal-ġurnata.
Ritratt meħud waqt il-proċess li beda lbieraħ fejn 1,630 kunsillier tal-Partit Nazzjonalista qed jivvutaw fil-kunsill ġenerali straordinarju biex jagħżlu jekk it-tesserati tal-partit Nazzjonalista fil-konvenzjoni ġenerali għandhomx jikkonfermaw il-Kap jew jeleġġu Kap ġdid tal-Partit.
THE TIMES
THE TIMES b’ritratt meħud waqt il-marċ ta’ San Gejtanu s-sena l-oħra u li lbieraħ tħabbar li minħabba l-każi tal-coronavirus se jitħassar din is-sena. Il-ġurnal jgħid li anke parties u festi oħra tħassru hekk kif l-assoċjazzjoni tat-tobba wissiet li jekk sa nhar it-Tnejn ma jitħassrux l-avvenimenti kollha, se tittieħed azzjoni industrijali.
Il-ġurnal b’aħbarijiet mill-qorti fejn ilbieraħ xehed il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo waqt l-inkjesta pubblika u qal li r-rwol tal-ex chief of staff Keith Schembri fuq il-kabinett ta’ Joseph Muscat kien sproporzjonat u ħażin.
L-ORIZZONT
L-ORIZZONT b’ritratti meħudin waqt il-marċ ta’ San Gejtanu s-sena l-oħra bil-ġurnal jgħid li dan tħassar minħabba l-każi ta’ Covid 19.
Il-ġurnal jikkwota lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jgħid li l-parir tal-awtoirtajiet tas-saħħa hu li wieħed għandu jevita sitwazzjonijiet fejn mhux possibbli tinżamm id-distanza soċjali. Il-każi attivi f’Malta issa telgħu għal 112.
Rapport ieħor tal-Orizzont jgħid li wara diversi jiem bl-Oppożizzjoni thedded li kienet se tivvota kontra l-abbozzi ta’ liġijiet marbutin mar-riforma tas-saltna tad-dritt, ilbieraħ il-Gvern ingħata raġun mill-istess Oppożizzjoni wara li tressqu diversi emendi li kienu diskussi bejn iż-żewġ naħat.
THE MALTA INDEPENDENT
THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt meħud minn Għawdex ftit ħin qabel tlugħ ix-xemx bil-ġunral ifakkar fl-avviż tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa li minħabba t-temperaturi għoljin wieħed għandu jixrob l-ilma b’mod regolari.
Rapport tal-ġurnal mill-qorti jikkwota lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo li matul l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lbieraħ qal li jemmn li l-ex chief of staff Keith Schembri kien qed imexxi shadow government.
The Malta Independent tikkwota lill-Ministru għat-Turiżma Julia Farrugia Portelli li dwar l-attivitajiet tal-massa sostniet li hemm bżonn li jkun hemm bilanċ. Il-ġurnal jgħid li dawn il-kummenti ġew fid-dawl tal-appelli ta’ ħafna għaqdiet, inkluż tat-tobba, biex dawn l-avvenimenti jitħassru.



