
Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-lum.
L-ORIZZONT
L-ORIZZONT b’ritratt tan-nies li qed jieħdu t-tilqima kontra l-coronavirus madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Rapport tal-Orizzont jgħid li mindu bdiet il-pandemija madwar elf kumpanija ngħataw permess mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg biex ikunu jistgħu jibddlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati għal żmien temporanju. Fil-preżent baqa’ 200 kumpanija li għad għandhom dan il-permess mġedded.
Dan il-ġurnal b’rapport li l-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, Dr Anthony Abela Medici, iddikjara li diversi organizzazzjonijiet volontarji ntlaqtu ħażin mill-pandemija minħabba li jiddependu minn donazzjonijiet u attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi.
THE MALTA INDEPENDENT
THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt meħud mill-ajru tal-marina ta’ Ta’ Xbiex u li turi s-simetrija tad-dgħajjes li hemm ankrati fiha.
Rapport tal-Independent jgħid li rappreżentanti tal-industrija tar-ristoranti qalu li l-pandemija tal-Covid 19 ħalliet l-impatt tagħha fuq il-bejgħ matul il-ġranet tal-Milied. Il-president tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti Maltin, Tony Zahra qal li d-domanda għal ikliet f’ristoranti lejlet u nhar il-Milied ma kellha x’taqsam xejn ma’ tas-sena l-oħra.
Il-ġurnal b’rapport mill-Qorti li ordnat li l-prosekuzzjoni fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandha tiżvela informazzjoni dwar erba’ telefonati li saru qabel l-arrest ta’ Yorgen Fench is-sena l-oħra.
IN-NAZZJON
IN-NAZZJON b’ritratt ta’ Karin Grech li lbieraħ kien it-43 anniversarju mill-qtil tagħha. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-qtil ta’ Karin Grech jibqa’ tebgħa fuq l-istorja tal-politika riċenti u ġerħa fil-familja tiegħu.
Rapport tan-Nazzjon jgħid li l-imxija tal-coronavirus baqgħet tħalli aktar vittmi f’pajjiżna hekk kif fl-aħħar sigħat mietu ħames anzjani oħra biex issa t-total ta’ mwiet tela’ għal 215.
Il-ġurnal b’rapport li jikkwota lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li sfida lill-Prim Ministru Robert Abela jippubblika r-returns tiegħu tat-taxxa u l-VAT u qallu jiddikjara wkoll jekk qattx iddiskuta suġġetti ta’ taxxa u ta’ VAT tiegħu mal-Kummissarju għat-Taxxi Interni.
THE TIMES
THE TIMES b’rapport fil-paġna ta’ quddiem li jikkwota lill-Prim Ministru Robert Abela jinsisti li ma iddiskutiex is-sitwazzjoni tat-taxxa tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mal-Kumissarju tat-Taxxi Marvin Gaerty, imma Dr Abela qal li tah biss informazzjoni li Bernard Grech ma kienx ħallas it-taxxi tiegħu.
Ritratt tal-kirurgu Sirjan Ayman Mustafa li kien tilef lill-martu u bintu fi traġedja fl-ibħra qrib Lampedusa u li issa qed jibni familja ġdida f’Malta. Fir-ritratt Mustafa jidher qed iżomm it-tarbija tiegħu li għadha kemm twieldet.
Rapport tat-Times jgħid li sorsi tal-ġurnal qalu li l-barijiet u l-clubs mistennija jibqgħu magħluqa wara l-ewwel ta’ Jannar. Dawn ilhom magħluqin bil-miżuri li ħa l-Gvern minħabba l-pandemija minn Otturbu li għadda.



