Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-gazzetti tal-lum

Nagħtu ħarsa lejn ir-rapporti ewlenin ippubblikati fil-paġni ta’ quddiem tal-gazzetti tal-lum il-Ħadd 13 ta’ Awwissu 2017.

The Times: għandha tliet rapporti fuq il-paġna ta’ quddiem. Permezz tar-ritratt il-gazzetta tfakkarna fir-rappreżentazzjoni ħajja li qed issir f’Lacaris War Rooms dwar kif kienet titmexxa d-difiża tal-gżejjer Maltin fit-Tieni Gwerra Dinjija.

It-tieni rapport jgħid li Godfrey Farrugia mhux qed jeskludi li jikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Demokratiku meta Marlene Farrugia ma tibqax.

It-tielet storja titratta l-isptar fi Smart City li ser ikun stabbilit minn kumpanija li għadha ma ħalsitx €4.7 miljun biex tonora l-obbligi tal-kuntratt.

It-Torċa: għandha storja ritratt dwar żwieġ li sar fil-Belt bir-rapport ikompli f’pagġa tlieta.

Storja oħra titratta dak li qal lill-gazzetta l-ex Kummissarju Ewropew John Dalli li stqar li ebda kumpens mhu se jpatti għal dak li ħadulu. Huwa qal dan f’intervista dwar il-kawża għal kumpens ta’ miljun ewro kontra l-Kummissjoni Ewropea.

Storja oħra titkellem dwar dak li qalet l-Aġenzija Fitch li għolliet ir-rating ta’ Malta minn A għal A+.

Rapport ieħor jgħid li lbieraħ kien jum traġiku minħabba li tliet persuni tilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku.

Il-Maltatoday fl-istorja ewlenija tghid li Malta fi żmien 18-il xahar ieħor tista’ ma jkollhiex aktar spazju biex tarmi l-iskart minħabba li dan żdied ħafna konsegwenza tal-konsumiżmu u anke ż-żieda fil-popolazzjoni flimkien mat-tkabbir ekonomiku. Ir-rapport jgħid li inċineratur jista’ jkun alternattiva biex tittaffa l-problema.

L-Illum: għandha tliet rapporti fuq il-paġna ta’ quddiem bl-ewwel wieħed jgħid li huma ħafna fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li huma kontra l-kandidat Adrian Delia.

It-tieni rapport jgħid li Godfrey Farrugia ma jeskludix li jieħu post Marlene Farrugia wara li din iddikjarat li mhux ser tikkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Demokratiku.

It-tielet rapport jgħid li l-aġenzija ta’ kreditu Fitch tejbet ir-rating ta’ Malta minn A għal A+.

Il-Mument: għandha tliet rapporti akkumpanjati b’ritratti. L-ewwel rapport jgħid li hemm Koas fil-ħabs u li priġunier kien f’karozza ministerjali fil-bitħa tal-ħabs.

It-tieni storja tgħid li Malta hija sors tat-traffikar uman. Id-Dipartimet tal-Istat Amerikan jgħid li f’Malta jsir traffikar uman jiġifieri li l-persuni jinbiegħu f’Malta biex jiġu sfruttati sesswalment.

Rapport ieħor li jkompli fuq paġna 9 jgħid li fi żmien 12-il siegħa seħħew tliet inċidenti tat-traffiku.

Il-Kulħadd: għandha wkoll ritratt u immanġni li jakkumpanjaw ir-rapporti. L-ewwel rapport jgħid li lbieraħ kien Sibt traġiku fejn żagħżugħ u żewġ anzjani tilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku separati.

It-tieni rapport jgħid li beżgħu mid-due diligence, b’referenza għall-appelli li saru lill-kummissjoni elettorali li qed tmexxi l-elezzjonijiet għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

It-tielet rapport jgħid li l-aġenzija internazzjonali Fitch ħabbret titjieb fil-credit rating ta’ Malta minn A għal A+ u li dan huwa l-ewwel titjieb minn Fitch f’10 snin.

The Malta Independent: għandha żewġ rapporti fuq il-paġna ta’ quddiem. L-ewwel storja titkellem dwar ir-reżistenza li qed jagħmlu r-residenti tal-Munxar minħabba li ser ikun stabbilit post fejn jinħażen id-demel tal-annimali. Il-post huwa skedat li jibda jaħdem din il-ġimgħa minkejja l-konsegwenzi li jista’ jħalli fuq il-komunità li tgħix fil-viċinanzi.

It-tieni rapport jikkwota lil Marlene farrugia tgħid li żgur li mhux ser terġa’ lura fi ħdan il-Partit Laburista għax ma tridx li taħdem ma’ persuni li biegħu ruħhom, iżda mhux qed teskludi li tikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista fi żmien ħames snin oħra.