Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-gazzetti tal-lum il-Ħadd

The Sunday Times of Malta tirraporta li l-pulizija qed tinvestiga allegazzjonijiet li Pakistani li jgħix Malta qed jieħu eluf ta’ ewro b’qerq billi jgħid lill-residenti Pakistanti oħra li se jgħinhom iġibu lill-familji tagħhom f’Malta. Rapport ieħor jgħid li l-Ombudsman Joseph Said Pullicino qal li l-Prim Ministru naqas milli jordna analiżi tal-permess għal żvilupp irregolari li ħareġ lis-Segretarju Parlamentari Ian Borg. B’ritratt tad-Dwejra, il-gazzetta tgħid li espert wissa li l-vibrazzjonijiet mill-isplussivi li hu suspettat li intużaw għal qtugħ ta’ blat minn għar fid-Dwejra, jista’ jkollhom effett fuq it-Tieqa.

It-Torċa tirraporta li d-Dipartiment għall-Awditjar u l-Investigazzjonijiet Interni (IAID) ma sab l-ebda irregolarità fit-tħaddim ta’ fondi Ewropej għall-proġett ta’ ‘heritage trail’ li sar mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli fl-aħħar snin kif allegat. Bit-titlu, ‘l-2006: is-sena tal-miljunarji’, il-gazzetta tgħid li bl-eżerċizzju tat-tkabbir taż-żoni għall-iżvillupp għaxar snin ilu u rakkomandazzjonijiet mid-Dar Ċentrali ma gawdiex biss Beppe Fenech Adami … tgħid li l-MEPA kkonfermat dawk li ssejjaħ l-illegalitajiet fil-palazz f’Ħal Għargħur.

Il-Mument tgħid li hemm skandlu ieħor fil-Gvern ta’ Muscat. Tgħid li l-Ministru Konrad Mizzi nnegozja u għadu jaħbi ftehim milħuq mal-kumpanija Vitalis Global Healthcare li għandha rabta diretta ma’ investituri barranin li flushom huma moħbija fil-British Virgin Islands, fejn jiġu reġistrati kumpaniji sigrieti kif għandu wkoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Il-gazzetta tgħid li s-CMTU qed titlob għall-pubblikazzjoni mill-aktar fis tal-kuntratti kollha li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi ffirmaw u għadhom qed jinnegozjaw mal-konsorzju barrani u li l-Awditur Ġenerali jinvestiga dwar il-ftehim illum qabel għada.

MaltaToday tirraporta li l-Avukat Ġenerali intalab jagħmel analiżi inizjali dwar jekk għandiex tiġi revokata l-maħfra presidenzjali mogħtija lil George Farrugia. F’intervista mal-gazzetta, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li jrid jirbaħ l-elezzjoni li jmiss biex isalva l-pajjiż mis-sitwazzjoni li jinsab fiha. Il-gazzetta tirraporta wkoll li l-Avukat Toni Abela mhux mistenni jissokta bil-proċess quddiem sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew għal vot fuq in-nominazzjoni tiegħu għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Kullħadd tgħid li li l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kiser il-liġijiet tal-ippjanar tikkonfermah tweġiba tal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar imxandra minn ONE News. Il-gazzetta tirraporta li matul l-aħħar tliet snin it-tibdil pożittiv fil-qasam tas-saħħa kien fuq diversi fronti. Tgħid li mija u tliet mediċini raħsu fi tliet snin. Storja oħra hija dwar mara li rnexxielha tibni karriera fil-pulizija minkejja d-diskriminazzjoni. Tirrakonta li llum, li ħarġet bil-pensjoni, tista’ tħares lura lejn karriera twila ta’ suċċess fuq 38 sena. Il-gazzetta tgħid li probabbilment Josephine Gauci hija l-iktar mara b’karriera twila fil-korpi dixxiplinati.

The Malta Independent on Sunday tgħid li l-kumpanija fil-Panama ta’ Konrad Mizzi ġiet trasferita fi New Zealand fit-22 ta’ Lulju tas-sena l-oħra – l-istess jum li Gasol bigħet l-ishma kollha tagħha lill-Electrogas. Il-gazzetta tgħid li l-Ministru Mizzi rrifjuta li jiġi intervistat mill-gazzetta jekk din ma tatihx minn qabel id-dettalji tal-informazzjoni li għandha dwar dan. Rapport ieħor jgħid li wara dak li qal il-Prim Ministru fil-programm Dissett li l-gvern salva l-ekonomija minn falliment, li salva lil banek minn falliment u li kieku l-gvern m’għamel xejn in-nies li ġemmaw xi ħaġa kienu ser jitilfu kollox, kuntattjat minn din il-gazzetta, iċ-chairman tal-awtorità tas-servizzi finanzjarji, il-Professur Joe Banister qal li s-sistema bankarja f’Malta hi b’saħħitha ħafna u li qatt ma kien hemm il-ħtieġa li xi bank jitlob għal għajnuna finanzjarja jew għajnuna mill-istat.

Illum jirraporta li l-Partit Laburista mistenni jintensifika l-attakk fuq Beppe Fenech Adami u r-rabtiet mill-qrib ma’ kuntratturi kbar magħrufa. il-gazzetta hi infurmata li Dr fenech adami kien jaħdem u għadu jaħdem mill-qrib ħafna ma’ kuntratturi magħrufin li spiċċaw f’nofs kontroversja. Il-gazzetta tgħid li ġew identifikati 16-il sit madwar il-pajjiż għall-akbar proġett ta’ housing soċjali. Fi storja fuq ġewwa tal-gazzetta, hemm rapport li jgħid li l-avukat Toni Abela kien ixxukjat bl-ostilità li ntweriet lejh’. Huwa mhux mistenni li jkompli bin-nominazzjoni tiegħu għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.