Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-gazzetti tal-lum il-Ħadd

Times of Malta tgħid li statwa ta’ Dom Mintoff mistennija titpoġġa quddiem Kastilja aktar tard din is-sena, hekk kif skont il-gazzetta l-gvern irriveda l-pjani tiegħu dwar dan il-monument. Il-pjan hu li l-istatwa titpoġġa f’għeluq il-100 sena mit-twelid tal-ex-Prim Ministru. Rapport ieħor jgħid li Karl Gouder, is-Sindku ta’ San Ġiljan, jista’ jerġa’ lura fil-Parlament wara li lbieraħ rriżenja d-deputat Nazzjonalista Albert Fenech minħabba impennji ta’ xogħol li ser jirrikjedu minnu ħafna safar. Permezz ta’ ritratt il-gazzetta tirraporta li 19-il kamra tan-nar min-naħa t’isfel ta’ Malta ħadu sehem fil-Malta Festival of Traditional Fireworks.

It-Torċa, bit-titlu ‘€22 miljun Dejn’tgħid li l-kont miljunarju li kellu jiffaċċja l-Partit Nazzjonalista wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 u li fl-aħħar snin baqa’ jakkumula b’miljuni oħrajn f’imgħax li, kif ġie kkonfermat, huwa ogħla mir-rata ta’ 4%, li qiegħed jerġa’ jissellef bih illum. Il-gazzetta tgħid li skont sorsi tal-Partit Nazzjonalista, bir-riżenja lbieraħ tad-deputat parlamentari Nazzjonalista Albert Fenech, infetħet opportunità ikbar għall-avukat Joe Giglio.

Il-Mument tgħid li l-Ministru Konrad Mizzi kellu aktar laqgħat sigrieti ma’ Shanghai Electric. Tgħid li talab juża l-faċilitajiet tal-VVIP Lounge fl-Ajruport ta’ Malta għal dik li fisser laqgħa privata li saret fl-14 ta’ Marzu li għadda. Għaliha attendew mal-10 persuni fosthom iċ-Chairman tax-Shanghai Electric, Wang Yundan. Bit-titlu ‘Il-ħbieb ta’ Muscat mhux komdi jiddefendu l-iskandlu tal-Panama’, il-gazzetta tgħid li huwa mill-iktar evidenti fl-istqarrija tal-President tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew Gianni Pitella li bagħat b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni tal-Partit Popolari Ewropew li fiha ntqal li d-demokrazija f’Malta hija mhedda. Rapport ieħor jgħid li l-Professur Albert Fenech irriżenja mill-Parlament wara li kellu jfittex jaħdem barra minn Malta wara d-deċiżjoni tal-Gvern li ma għadx hemm bżonn is-servizzi professjonali tiegħu fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija.

Maltatoday tgħid li l-kumpanija Ġordaniża li ngħatat art pubblika f’ Wied il-Għajn u Bormla biex tiżviluppa l-università privata tagħha, għal darbtejn injorat ittri mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla biex tneħħi l-kelma ‘università’ mil-logo tagħha, hekk kif s’issa għada mhix liċenzjata bħala università. Il-gazzetta tgħid li r-riżenja tad-deputat parlamentari Albert Fenech tippermetti lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex ikompli bil-kritika tal-partit tiegħu dwar il-privatizzazzjonijiet immexxija mill-Ministru Konrad Mizzi. F’aktar stejjer, il-gazzetta tgħid li l-proġett fil-ħabs ‘Love Faith Forgiveness għadu qed jistenna l-ħlas ta’ ftit aktar minn €5,000 minn klijenti fis-settur pubbliku, iżda għad trid tipproċessa aktar minn €21,000 f’pagamenti. U storja oħra tgħid li l-każ ta’ Jason Azzopardi li ser jitressaq il-Qorti fuq talba tal-ex-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit spiċċa fi ġlieda bejn il-kapijiet tal-ewroparlamentari, waqt li l-kap tal-oppożizzjoni qed jinsisti li l-pulizija jinsabu taħt idejn il-Prim Ministru.

Kulħadd tgħid li huwa ppjanat li matul dan ix-xahar jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-Università Amerikana f’Bormla. L-ewwel xogħol li se jsir huwa dak ta’ restawr biex wirt storiku f’Bormla li ilu mitluq snin twal jingħata dehra ġdida. Tgħid li l-Professur Albert Fenech irriżenja minn deputat tal-Parlament f’isem il-Partit Nazzjonalista għax għażel is-sehem tiegħu fil-proġett fil-qasam tas-saħħa bis-sħubija bejn il-Gvern u l-privat. Rapport ieħor jgħid li fi żmien l-aħħar amministrazzjoni, id-Dipartiment tal-Artijiet xtara sistema antika biex suppost taqleb il-fajls f’forma diġitali. Sistema li skont il-gazzetta baqgħet qatt ma kienet installata b’mod sħiħ anke jekk tagħha tħallsu miljun u sitt mitt elf ewro mit-taxxi tal-poplu. Din il-gazzetta hi infurmata li l-Gvern qed jinvesti madwar tliet miljun ewro biex jirranġa t-toroq ta’ madwar il-Kappara Junction, hekk kif ix-xahar id-dieħel mistenni jibda x-xogħol fuq din iż-żona traffikuża.

The Malta Independent tgħid li d-deputat indipendenti Marlene Farrugia qalet li lesta li tmexxi partit politiku ġdid jekk tintalab li tagħmel dan mill-grupp ta’ attivisti politiċi li qed taqgħad flimkien. Hi qalet lill-gazzetta li s’issa għada ma ntalbietx uffiċjalment biex tmexxi dan il-partit. Rapprot ieħor jgħid li l-proġett pilota li l-mediċini jitwasslu fid-dar mistenni jibda aktar tard dan ix-xahar. Dan is-servizz se jingħata lill-anzjani, persuni b’diżabilità u oħrajn li għandhom problemi ta’ mobilità. Ir-ritratt juri l-pulizija qed iżomm nurmu ta’ nies li lbieraħ kienu fi Place de la Bourse fi Brussell. L-awtoritajiet Belġjani waqqfu kull tip ta’ dimostrazzjoni fi Brussell wara li grupp tal-lemin estrem ħabbar il-pjani tiegħu li jagħmel rally kontra l-Musulmani.

Illum tintervista lill-‘blogger’ Glenn Bedingfield li jgħid li jħossu offiż li jitqabbel ma’ Daphne Caruana Galizia għax fi kliemu qatt ma għajjar lin-nies u qatt ma attakka b’mod personali. Minkejja dan jgħid li issa l-Laburisti qalgħu biżejjed fuq wiċċhom u li wasal iż-żmien li n-Nazzjonalisti jkunu esposti wkoll. Illum għandha informazzjoni li nhar il-Ġimgħa li ġej, l-Għaqda Patrijotti Maltin , magħrufa għall-kritika voċifera tagħha kontra l-immigrazzjoni, kontra dik li ssejħilha integrazzjon sfurzata, kif ukoll ma’ ġesti relatati mal-perżut, se tkun qed tħabbar li se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Il-gazzetta tgħid li Karl Gouder hu il-favorit wara r-riżenja ta’ Albert Fenech minn deputat parlamentati f’isem il-Partit Nazzjonalista.