Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-gazzetti tal-lum il-Ħadd

The Sunday Times b’rapport fil-paġna ta’ quddiem li jgħid li l-grupp Seabank qed ibigħ appartamenti lussuzi li l-pjan hu li jinbew f’żewġ torrijiet fis-sit fejn hemm l-Istitut tal-Istudji Turistici fil-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan. Il-ġurnal jgħid li dan qed isir meta l-art għadha waħda pubblika u fejn s’issa l-iżvilupp residenzjali m’huwiex permess skont il-liġi tal-ippjanar.

Rapport ieħor tas-Sunday Times jgħid li Manuel Mallia kien ġie offrut il-kariga fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri qabel ma din ingħatat lil Toni Abela, iżda Dr Mallia irrifjuta din il-kariga.

It-Torċa b’rapport b’esperjenza ta’ familja Maltija li sitt xhur ilu kienet Franza meta seħħew l-attakki. Il-misser jgħid li t-tifla tagħhom għadha mbezza’ u tieħu l-kura.

Rapport ieħor tat-Torċa jgħid li l-Ministru Edward Scicluna nħatar Viċi chairman tal-bord tal-gvernaturi tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

Il-ġurnal b’rapport li qed isir tentattiv biex tittawwal ħajjet it-tieqa tad-Dwejra. F’dawn il-jiem se jkun hawn Malta l-Professur Vincent May li se janalizza x’qed iwassal għad-deterjorazzjoni tagħha.

It-Torca b’ritratt ta’ Ira Losco waqt il-finali tal-Eurovision Song Contest ilbierah bil-gurnal jghid li Malta ikklassifikat fit-12-il post minkejja l-prestazzjoni tajba hafna tal-kantanta Ira Losco.

Il-Mument bid-dettalji li jgħid li Henley and Partners waqqfu kumpanija sigrieta b’rabta ma’ Malta tliet ijiem qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Il-ġurnal jgħid ukoll li Keith Schembri għandu kumpanija sigrieta oħra, din id-darba f’Gibilità.

Il-Mument bir-ritratt ta’ Ira Losco waqt il-finali ta’ lbieraħ u bil-ġurnal jgħid li Malta ikklassifikat fit-12-il post b’153 vot.

MaltaToday ukoll b’ritratt ta’ Ira Losco waqt li kantat Walk on Water ilbieraħ, bil-ġurnal jgħid li Ira kienet brillanti.

Rapport tal-MaltaToday jgħid li l-iskola medika ta’ Barts daħlet fi ftehim mal-Gvern li permezz tiegħu Barts taghti kontribuzzjoni li għadha mhux speċifikata, iżda jkun il-Gvern li se jħallas lill-ispeċjalisti li se jokkpuaw il-karigi ta’ tutors.

Il-gazzetta b’rapport li tgħid li lment anonimu li wasal għand l-ispeaker, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Ombudsman, qed jallega li l-Ombudsman għall-ippjanar, David Pace, aċċetta dħul mill-professjoni tiegħu bħala perit waqt li qed jokkupa din il-kariga fl-uffiċċju tal-Ombudsman.

Kullħadd b’rapport li d-deputat Nazzjonalista Tony Abela, fid-dikjarazzjoni tal-assi, ma iddikjarax is-sehem tiegħu f’kumpanija ma’ traffikant tad-droga li fl-aħħar xhur kellu sentenza ta’ ħabs li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-appell kriminali.

Rapport ieħor tal-Kullħadd jgħid li l-Kummissarju għat-tfal qed tipproponi bidla fil-liġi fir-rigward ta’ każijiet ta’ ħtif tat-tfal mill-ġenituri tagħhom stess. Il-Kummissarju Pauline Miceli qalet li hemm bżonn ta’ deterrent iktar qawwi.

Bid-dettalji fil-paġni ta’ ġewwa, il-gazzetta għandha intervista ma’ żagħżugħa ta’ 25 sena li kienet atleta imma li issa tbati mill-kundizzjoni tal-fibromyalgia.

The Malta Independent on Sunday b’ritratt ta’ Ira Losco fil-paġna ta’ quddiem u bil-ġurnal jgħid li bit-televoting Ira ġiet fit-12-il post.

Rapport ieħor ta’ dan il-ġurnal jgħid li ċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, fl-2014, poġġa tliet kwarti ta’ miljun dollaru fil-kumpanija tiegħu fil-British Virgin Islands.

Il-ġurnal b’rapport ieħor li jikkwota lill-Ministru Chris Cardona jgħid li jgawdi mill-appoġġ tal-Ministru Konrad Mizzi għall-kariga ta’ deputat mexxej tal-Partit Laburista.

Illum ukoll bir-ritratt ta’ Ira Losco waqt il-finali ta’ lbieraħ u jgħid li tat prestazzjoni eċċellenti.

Rapport ta’ l-Illum jikkwota stħarriġ li għamel dan il-ġurnal stess li wera li 40 fil-mija ta’ dawk li jużaw it-trasport pubbliku raw titjib fis-servizz offrut fl-aħħar xhur.

Il-gazzetta b’intervista ma’ ġuvni li jgħix b’paga minima u li qed jipprova jsib post fejn jgħix iżda qed isostni li ma jistax jixtri u jekk jikri jissallab.

Illum b’rapport li jgħid li l-ex segretarju permanenti ta’ Mario Demarco, Peter Portelli, huwa l-kap eżekuttiv ta’ Strickland Foundation, waqt li għandu impjieg full-time mal-Gvern fejn għandu paga ta’ iktar minn €40,000.