Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-gazzetti tal-lum il-Ħadd

The Sunday Times of Malta tgħid li inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ impjegat ta’ 17-il sena tal-Kumpanija Construct Furniture ikkonkludiet li d-direttur tal-kumpanija John Agius għandu jitressaq quddiem il-Qorti akkużat bi qtil involontarju. F’rapport ieħor jingħad li s-sidien tal-proprjetà fi Triq Żekka l-Belt li tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja relatata max-xiri ta’ proprjetà minn Mark Gaffarena, fetħu każ il-Qorti fejn qalu li huma ma jistgħux jonoraw il-ftehim li iffirmaw mal-istess Gaffarena minħabba li hu aġixxa b’intenzjonijiet ħżiena. U ritratt separat juri lit-tim Russu jiċċelebra il-goal fl-aħħar sekondi tal-partita li seraq żewġ punti minn ħalq l-Ingliżi fl-ewwel logħba tagħhom fl-Euro 2016.

It-Torċa tirraporta li Chris Cardona inħatar deputat mexxej ġdid tal-Partit Laburista hekk kif kiseb 50 vot aktar minn Owen Bonniċi. Il-gazzetta tirraporta ukoll li t-taxxa tal-eko Kontribuzzjoni li se tiddaħħal matul dan ix-xahar se tkun l-irħas fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu iljieli ta’ lukandi. Jingħad ukoll li f’affidavit in-neputi ta’ George Farrugia qal li fl-2013 kien avviċinat minn xi ħadd qrib Austin Gatt u kien mitlub jiddistanzja ruħu minn dokumenti ippublikati fil-Malta Today.

Il-Mument tati prominenza lit-twaqqif ta’ kumitat ta’ inkjesta mill-Parlament Ewropew dwar l-iskandlu tal-Panama Papers hekk kif tirraporta li se tintalab li tinġarr ir-responsabilità. Tiddeskrivi l-proposta tal-Partit Nazzjonalista biex ikunu salvati żoni barra mill-iżvilupp bħala azzjoni f’waqtha u ta’ kuraġġ mill-Partit hekk kif tgħid li wara id-deċiżjoni biex tinbena art ODZ fiż-Żonqor tressqu aktar applikazzjonijiet għal żvilupp f’ODZ. Intant, Dwar il-Proġett tal-isptar fi Smart City, il-gazzetta tirraporta li il-Gvern għadu ma għaddiex lill-iżviluppaturi minn proċess regolatorju.

Il-MaltaToday tirraporta li waħda mill-membri parlamentari Ewropej li se jkun parti mill-kumitat il-ġdid dwar il-Panama Papers qalet li l-ministru Konrad Mizzi għandu jħejji ruħu biex ikun msejjaħ għall-wara li kien mgħaruf li is-servizzi finanzjarji f’Malta iħallu lis-sidien benefiċċarji jaħbu isimhom. F’rapport ieħor jingħad l-Forzi Armati ta’ Malta ċaħdu allegazzjonijiet ta’ trattament ħażin ta’ refuġjati waqt li qed jassistu lill-Frontex fil-Greċja. Tirraporta ukoll li Chris Cardona ġie elett bħala deputat mexxej tal-Partit Laburista.

Kullħadd tgħid li d-deputat Nazzjonalista Claudio Grech lejliet l-elezzjoni kien mar ifittex lin-neputi ta’ George Farrugia biex dan jiddisassoċja ruħu mill-istorja dwar l-iskandlu tax-xiri taż-żejt. Tirraporta ukoll li Chris Cardona ġie elett bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Tirraporta ukoll li sid ta’ ristorant fi Mġarr ix-xini ospita diversi ċelebritajiet kbar bla ħsieb kif ukoll ir-rinovazzjoni tal-Crafts Village f’Ta’ Qali hekk kif ix-xogħol mistenni jibda is-sena d-dieħla.

The Malta Independent on Sunday tiżvela każ ta’ tbgħabisa fil-kilometraġġ li jkollhom karozzi użati li jiġu impurtati, li x’aktarx kienet orkestrata minn uħud mill-importaturi tal-karozzi second-hand. Tirraporta ukoll dak li ħareġ minn analiżi ta’ Oxfam International, li Malta hija ir-raba l-aktar pajjiż fl-Ewropa li tiffaċilità l-eviżjoni ta’ taxxa korporattiva. Bħal gazzetti oħra, fuq din il-faċċata hemm ukoll ritratt taż-żewġ kontestanti għall-kariga ta’ deputat mexxej tal-Partit Laburista hekk kif Chris Cardona ġab l-akbar ammont ta’ voti waqt din l-elezzjoni.

Illum tgħid li il-programm Xarabank jinsab fil-mira tad-deputat mexxej ġdid tal-Partit Laburista Chris Cardona hekk kif huwa bagħat sms lid-delegati tal-Partit tiegħu u wegħdhom deċiżjonijiet fil-PBS. Dan hekk kif il-gazzetta tgħati ħarsa ukoll lejn l-elezzjoni li seħħet ilbieraħ b’Dr Cardona jġib 53.3 fil-mija tal-voti. Intant il-President tal-Malta Association of Hospitality Executives Joe Attard qal li bħala assoċazzjoni li tirrapreżenta lill-maniġers u lill-Lukandiera ma ġietx ikkonsultata ma ġietx ikkonsultata mill-Ministeru tat-Turiżmu qabel ma ddaħlet l-eko kontribizzjoni.