Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-gazzetti tal-lum il-Ħadd

The Sunday Times of Malta tirraporta li wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, qed tikber il-possibilità li Malta jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea għas-sena kollha u mhux biss għall-ewwel sitt xhur tal-2017. Jakkumpanja dan l-artiklu ritratt ta’ Boris Johnson li mexxa l-kampanja biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea. F’rapport ieħor, il-gazzetta tgħid li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex effettivament ġie privatizzat għal 99 sena u mhux biss għal 30, kif iddikjara l-Gvern għal diversi drabi.

It-Torċa bit-titlu “Joġġezzjona li jċedi postu” tgħid li l-Ombudsman mhux kuntent bis-sitwazzjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent David Pace u l-abbużi li nkixfu fl-aħħar ġimgħat. Tgħid li fl-aħħar jiem l-Ispeaker Anġlu Farrugia ntalab jiċċara l-pożizzjoni. F’rapport ieħor il-gazzetta tgħid li l-kummenti dispreġjattivi ta’ Alan Montanaro fil-konfront ta’ tfal foqra, ġabu l-kundanna ta’ kulħadd, mhux l-inqas l-istess organizzazzjoni mhux governattiva fil-Kambodja li kien jaħdem magħha permezz ta’ Drama Outreach Project.

Il-Mument tgħid li fl-isfond tal-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi u l-allegazzjonijiet ta’ tixħim kontra Alfred Mifsud “Nadifa l-Arja”. Tgħid li dan hu l-messaġġ mibgħut mill-Gvern Malti minn fondi fi ħdan istituzzjonijiet Ewropej biex jieħu azzjoni sitt xhur qabel il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, hekk kif fi żmien erba’ xhur inħakem minn żewġ skandli kbar. F’intervista ma’ il-Mument, l-Ewroparlamentari Frank Engel, membru tal-Kumitat ta’ Inkjesta tal-Parlament Ewropew li se jinvestiga l-Panama Papers, qal li dan il-Kumitat għandu jordna lill-Ministru Konrad Mizzi jitla’ jixhed. Mill-Qorti, il-gazzetta tirraporta li raġel kien jibgħat lil ibnu ma’ prostituti biex ‘ma jsirx gay’.

MaltaToday tirraporta li bejgħ ta’ ċittadinanza b’investiment attirat lejn Malta billjunarji Asjatiċi u Russi li permezz tal-passaport Malti jkunu jistgħu jivvjaġġaw bla problemi fiz-zona Schengen. Iżda l-gazzetta tinnota li qed tiġi injorata l-kundizzjoni li jixtru proprjetà b’valur ta’ 350,000 ewro, kif jixhdu r-ritratti tal-postijiet li xtraw tliet persuni minnhom u li ġew pubblikati fil-gazzetta. Skont stħarriġ ta’ Malta Today, li sar il-ġimgħat li għaddiet, aktar minn żewġ terzi tal-Maltin jaħsbu li torrijiet għoljin se jkerrħu lil Malta, irrispettivament minn fejn ikunu.

Kullħadd b’ritratt tas-Sinjura Michelle Muscat tgħum, tgħid li lbieraħ hija temmet b’suċċess l-isfida li tgħum bejn Wied il-Għajn u l-Port il-Kbir bil-għan li jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Marigold. Rapport ieħor jgħid li waħda mill-wegħdiet elettorali tal-Gvern kienet li jinbeda proġett pilota tal-hekk imsejħa pulizija tat-turiżmu, li għalkemm għadu fil-bidu tiegħu, il-pulizija involuti fih diġà wrew li dan il-proġett mhux biss qed jagħmel differenza fil-ħajja taċ-ċittadini u t-turisti, iżda anke f’ħajjithom stess. Il-gazzetta tgħid li skont l-ekonomista veteran Karm Farrugia, Malta tant għandha ekonomija b’saħħitha li meta tgħawwiġha xorta tmur lura għall-forma tagħha. Dan ma jfissirx li ma tweġġax, iżda tirkupra mill-ewwel.

The Malta Independent b’ritratt ta’ Michelle Muscat li temmet b’suċċess l-għawma minn Wied il-Għajn għall-Port il-Kbir, li ntlaqgħet fuq l-art minn żewġha, il-Prim Ministru u ż-żewġ uliedhom. Il-gazzetta tirraporta li l-kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kkonfermat li għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru tad-Drittijiet Ċivili dwar id-direzzjoni li se jkun qed jieħu l-Gvern fil-kwistjoni tal-morning after pill. Tgħid li għall-Gvern din hi kwistjoni ta’ drittijiet ċivili wkoll. Rapport ieħor jgħid li l-Awtoritajiet Taljani arrestaw Somalu li kienet għaddejja tfittxija kbira għalih f’Malta qabel il-laqgħa tal-Mexxejja tal-Commonwealth u l-Valletta Summit fuq l-immigrazzjoni. Huwa maħsub li s-suspettat hu membru ewlieni ta’ ċirku ta’ traffikar tal-immigranti li wassal f’Malta mal-250 persuna, ħafna minnhom Sirjani u Somali.

Illum, bit-titlu Xokkanti tgħid li missier ġie akkużat li sawwat lil ibnu ta’ 7 snin b’wire tad-dawl, ġiegħlu jmur mal-prostituti, għajru u nfetta lin-nies b’mard sesswali. Kienet prostitua stess li ddeċidiet li wara żmien tara l-abbuż quddiem għajnejha tmur għand il-Pulizija u tirraporta dak li kienet qed tara u tesperjenza. F’rapport ieħor il-gazzetta tiżvela li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia se jkun qed iressaq numru ta’ proposti quddiem il-Kabinett bil-għan li tibda tkun indirizzata r-realtà fis-suq tal-kirjiet privati. Storja oħra tikkwota lill-Arċisqof Charles J. Scicluna jgħid li bħala Arċisqof la hu partiġġjan u lanqas kif ried iġibu Glenn Beddingfield sudditu tal-mexxej tal-Oppożizzjoni li minflok salib jilbes plakka tal-Partit Nazzjonalista.