
The Times
Fuq il-faċċata ritratt tad-dimostranti ta’ Donald Trump li daħlu fil-bini tal-Kungress Amerikan f’Washington biex jipprotestaw kontra l-President elett Joe Biden, wara li Trump kompla għaddej bil-kampanja tiegħu bit-tama li jirnexxielu jdawwar ir-riżultat msejjaħ minnu bħala wieħed qarrieqi. Fir-ritratt id-dimostranti lebsin anki kostumi strambi, att li wassal għal vjolenza, qtil ta’ nies u nies midruba. Minkejja kollox il-Kungress Amerikan ikkonferma r-rebħa kbira ta’ Joe Biden, u se jinħatar President fl-20 ta’ Jannar li ġej.
Storja oħra titratta l-istrajk tal-għalliema fl-iskejjel tal-Gvern ordnat mill-MUT, bit-titlu jgħid li lbieraħ kien hemm konfużjoni quddiem id-dħul tal-iskejjel fejn kien hemm skejjel li nżammu magħluqa bil-konsegwenza li l-istudenti li marru għall-iskola ma tħallewx jidħlu u kellhom imorru lura d-dar. Intant it-taħdidiet bejn l-MUT u l-Gvern f’Kastilja ilbieraħ ma wasslu għal ebda ftehim u għandhom jissoktaw illum. L-MUT ma tridx li l-iskejjel jiftħu għaliex skont hi l-awtoritajiet tas-saħħa kienu tal-parir li għalissa mhux għaqli li jinfetħu minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-Covid, stqarrija li ġiet miċħuda mill-istess awtoritajiet tas-saħħa minħabba l-miżuri ta’ prekwazjoni li qed jittieħdu fl-iskejjel.
L-Orizzont
Storja li tgħid li għadd ta’ skejjel fetħu lbieraħ minkejja l-istrajk ordnat mill-MUT, u li xi għalliema rraportaw għax-xogħol għax ħasswew li kien fid-dover tagħhom li jagħmlu dan għall-ġid tal-istudenti. Il-ġurnal tkellem ma’ għalliema li sostniet li hi membru tal-MUT iżda temmen li post it-tfal huwa l-iskola biex ikomplu jieħdu l-edukazzjoni li għandhom bżonn kif suppost.
Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li skont il-kamra tal-intrapriżi żgħar u medji, jidher li għall-begħ tal-Milied u żminijiet ta’ festi kien hemm konkorrenza sodisfaċenti. Il-Kamra bdiet stħarriġ dwar dan biex tara eżatt l-eżitu tal-begħ matul dawn iż-żminijiet ta’ festi.
The Malta Independent
Fuq il-faċċata wkoll bl-istorja ta’ Joe Biden u kif minkejja t-tixwix u ż-żerriegħa tar-rabja minn Donald Trump, il-Kungress Amerikan ikkonferma ir-rebħa ta’ Joe Biden. Fir-ritratt tidher xena kerha ta’ pulizija qed jippuntaw l-armi tagħhom biex iżommu lid-dimostranti milli jidħlu fil-kamra ewlenija fejn jitlaqqa’ l-kungress.
Storja oħra titratta l-istorja ewlenija f’pajjiżna, fejn skont l-unions tal-għalliema l-MUT u l-UPE, l-istrajk ordnat għall-għalliema lbieraħ kien wieħed ta’ suċċess. L-istrajk se jissokta dalgħodu, iżda t-taħdidiet bejn il-Gvern u l-MUT se jkomplu illum.
In-Nazzjon
Fuq il-faċċata ritratt tal-President elett Amerikan Joe Biden u l-fatt li lbieraħ il-Kungress ikkonferma r-rebħu tiegħu u se jieħu l-ġurament tal-ħatra fl-20 ta’ Jannar. Il-protesti minn nies ta’ Trump wara t-tixwix tiegħu wasslu għall-mewt ta’ 4 persuni.
Storja oħra dwar kif l-istrajk tal-għalliema se jissokta llum, filwaqt li l-laqgħa bejn il-Gvern u l-MUT se tissokta llum bit-tama li jintlaħaq ftehim.
Storja oħra dwar l-aħħar aġġornament mediku tal-Covid fejn ilbieraħ ġew irreġistrati 164 każijiet ġodda, fiequ 73, u l-għadd ta’ vittmi tela’ għal 228.



