
The Malta Independent
Il-ġurnal jagħtina ritratt minn Washington DC fejn hekk kif illum Joe Biden se jinħatar President tal-Istati Uniti, se jkun hemm sigurta’ kbira, b’suldati u trakkijiet militari minħabba li huwa prevvist li jkun hemm protesti vjolenti minn dawk li jappoġġjaw lil Donald Trump.
Storja oħra tgħid li Gavin Gulia li ftit tal-jiem ilu tela’ bil-by election minħabba s-siġġu battal minn Edward Scicluna, u li wara li ftit sigħat li daħal bħala membru parlamentari rriżenja, issa mistenni li jidher quddiem il-kumitat għall-ħatriet pubbliċi biex jerġa’ jikseb lura l-kariga ta’ Chairman tal-awtorita’ Maltija tat-turiżmu.
Storja oħra tgħid li skont stħarriġ li sar mill-Bank Ewropew għall-investiment ħareġ li l-Maltin jixtiequ iktar miżuri stretti biex tiġi ndirizzata l-bidla fil-klima, u dan wara l-kriżi li ġabet magħha l-pandemija.
In-Nazzjon
Fuq il-faċċata wkoll ritratt tal-ġurnata tant importanti għall-Istati Uniti llum, meta Joe Biden se jkun qed jinħatar President, ċerimonja li din id-darba se tkun pjuttost differenti minn oħrajn minħabba l-biża’ ta’ protesti vjolenti minn dawk li ma aċċettawx li Biden rebaħ din l-elezzjoni.
Storja oħra fuq dan il-ġurnal tgħid li eluf ta’ nies huma inkwietati li se jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li din il-problema tal-kirjiet hija bomba tal-ħin u li l-Gvern baqa’ bla proposti konkreti dwar din il-problema.
Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li TVM ma rraporta xejn dwar ix-xhieda li ta l-ex Prim Ministru Joseph Muscat fil-Qorti fuq il-każ tal-begħ tat-tlett sptarijiet li nbdiet mill-ex Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Il-Partit Nazzjonalista ressaq ilment dwar nuqqas ta’ imparzjalita’.
The Times of Malta
Storja fuq il-faċċata b’ritratt ta’ refuġjati f’kamp fis-Sirja qed jifirħu bit-taqtir tax-xita.
Storja oħra tgħid li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech bħalissa għaddej b’reshuffle tal-grupp paralmentari tiegħu, proċess li mistenni jiġi ffinalizzat fi tmiem din il-ġimgħa. Qed jingħad li matul dan il-proċess Dr Grech qed ikollu laqgħat individwali mal-membri parlamentari tiegħu.
Storja oħra tgħid li kliniċi privati li qed jagħmel ir-rapid testing tal-Covid mhumiex obbligati li jagħtu r-rapporti tar-riżultati lill-awtoritajiet tas-saħħa. Il-ġurnal tkellem mat-tlett kliniċi privati li qed jagħmlu r-rapid testing. Qalu biss li meta pazjent jirriżulta li jkun pożittiv iċemplu 111 biex il-pazjent jinżamm kwarantina filwaqt li klinika oħra qalet li meta pazjent jinstab pożittiv jiġi obbligat li jkun hu li jinforma lill-awtoritajiet tas-saħħa.
L-Orizzont
Fuq il-faċċata storja ta’ laqgħa bejn il-GWU u t-tmexxija tal-istazzjon tax-xandir tal-Partit Laburista, One, minħabba li l-ħaddiema huma mħassba bil-kawża kostituzzjonali minn LovinMalta li tista’ twassal għall-għeluq tal-istazzjonijiet politiċi Maltin.
Storja oħra dwar kif minn 99 pazjent li kellna f’pajjiżna fuq il-ventilator, mietu erbgħin minnhom. Din l-informazzjoni ħareġ minn tweġiba parlamentari li ta d-deputat Prim Minsitru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne.
Storja oħra tgħid li l-Ministru għall-ambjent Aaron Farrugia qed jaħdem biex jintaqqas l-użu tal-karozzi fil-pjazez.
Maltatoday
Fuq il-faċċata ritratt tad-deputat Nazzjonalista t-tabib Stephen Spiteri u storja li tgħid li r-reshuffle qed tikkawża diżgwid fil-Partit Nazzjonalista, b’deputati li qed jirrifjutaw responsabbiljajiet ġodda, l-iktar fit-tieni distrett meta neħħa l-portafoll tas-saħħa lil Stephen Spiteri u tah lid-deputat Claudio Grech. Fl-istorja qed jingħad li l-kostitwenti tat-tabib Spiteri esprimew rabja għal din id-deċiżjoni. Deputati oħra li mhux kuntenti bir-reshuffle hima Therese Comodini Cachia, Robert Arrigo u Mario Galea.
Fuq il-faċċata titli ta’ stejjer oħra fosthom l-aħħar aġġornament mediku tal-Covid fejn ilbieraħ kellna 200 każ ġdid, is-shooting range proposta fuq art ODZ fis-Siġġiewi, u li l-istudju mill-psikjatri dwar Melvin Theuma huma miżmuma b’ordni tal-Qorti.




