Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali għal-lum

L-għodwa t-tajba, din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali għal lum il-Ħamis, is-7 ta’ Ottubru 2021.

In-Nazzjon

Fl-ewwel paġna tal-ġurnal in-Nazzjon insibu rappurtaġġ li jgħid kif il-Partit Nazzjonalista nieda proposti għal aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Fir-rappurtaġġ li tratta konferenza tal-aħbarijiet intqal kif il-familja hija element kruċjali fil-politika tal-Partit Nazzjonalista u li pajjiżna għandu fost l-aktar rati baxxi ta’ twelid fl-Unjoni Ewropea, b’din ix-xejra mbassra li se twassal għal sfidi soċjo-ekonomiċi kbar fis-snin li ġejjin. Storja oħra fuq in-Nazzjon tgħid kif pajjiżna jixraqu li toħroġ il-verità dwar il-proġett tal-Electrogas, wara li d-Deputat Konrad Mizzi rrifjuta li jidher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. In-Nazzjon tirrakkonta dak li seħħ fis-seduta tal-Kumitat u tgħid li hemm bżonn li ssir ġustizzja fejn il-poplu Malti jieqaf jiġi misruq minħabba d-deċiżjonijiet tal-Gvern Laburista.

Times of Malta

Il-ġurnal Times of Malta għandu bħala storja ewlenija rappurtaġġ li jgħid li l-vista li l-Papa Franġisku kellu jagħmel f’Malta din is-sena, jidher li din ġiet posposta għas-sena d-dieħla. It-Times tgħid kif minkejja dan kellu jżur pajjiżna f’Diċembru li ġej, sorsi qalu kif Malta u l-Vatikan waslu fi ftehim sabiex issir f’data iktar futura, minħabba biża ta’ żieda fil-każijiet tal-Covid-19 u l-ispekulazzjoni ta’ elezzjoni ġenerali bikrija. Storja oħra fuq il-faċċata tat-Times tirrapporta dwar l-abbozz ta’ liġi tal-Kannabis li ġie spjegat ilbieraħ mill-Ministru Owen Bonnici, fejn tgħid li b’din il-liġi wieħed se jkun jista’ jixtri l-kannabis minn klabbs soċjali, jew ikabbru l-pjanti tagħhom id-dar. Intqal kif il-liġi qed tiprovdi mezz sabiex min ma jistax ikabbar din il-pjanta hu stess, se jkollu mezzi legali min fejn jakwistaha.

L-Orizzont

Fuq il-faċċata tal-ġurnal L-Orizzont insibu r-rappurtaġġ ewlieni li jgħid kif saret ġustizzja mal-eks ħaddiema tat-tarzna, esposti għall-asbestos. Dan wara li 49 persima kienu fost l-ewwel li ngħataw ċekkijiet ta’ kumpens wara li sofrew mill-kundizzjoni tal-asbestos. Din hija miżura oħra mill-baġit tas-sena l-oħra, u b’kumpens li jvarja bejn il-€5,800 u €16,600, il-Gvern se jkun qed joħroġ iktar minn tliet miljun ewro għal dan il-għan. Storja oħra fuq il-faċċata ta’ L-Orizzont titratta l-qafas legali ġdid għall-użu tal-kannabis, fejn tgħid li mhux se jibqa’ jitiqies reat li wieħed ikollu fuqu sa’ seba’ grammi, u li min instab ħati ta’ reat dwar użu personali tal-kannabis se jkun jista’ jneħħiha mill-kondotta. U l-aħħar storja fuq l-istess faċċata tgħid kif l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anglu Farrugia laqa l-proposta tal-General Workers’ Union sabiex titlaqqa’ seduta parlamentar għall-anzjani, fil-jum dedikat lilhom.

The Malta Independent

Il-ġurnal The Malta Independent għandu bħala storja ewlenija dak li seħħ ilbieraħ fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi fejn tgħid kif id-Deputat Konrad Mizzi irrifjuta milli jattendi quddiem l-istess kumitat. Tgħid kif il-Kumitat talab li Dr Mizzi jerġa’ jissejaħ sabiex jixhed, sabiex ikun jista’ jagħti l-verżjoni tiegħu dwar dak li seħħ fil-proġett tal-Electrogas. L-Indpendent fi storja oħra tirrapporta li d-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-prostituzzjoni għadha għaddeja, fejn il-Ministru tal-Ugwaljanza qal lil ġurnal qal li l-awtoritajiet konċernati għadhom għaddejin b’konsultazzjonijiet ma’ dawk involuti fis-settur.