Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali llum

Din hija ħarsa ħafifa lejn l-istejjer fuq il-faċċati tal-ġurnali tal-lum il-Ġimgħa 14 ta’ Settembru, 2018.

Times of Malta tirrapporta li l-Pulizija neħħew bil-forza lill-grupp ta’ dimostranti mill-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif huma kienu qed jipprotestaw kontra l-pjani għall-bini ta’ pompa tal-petrol barra ż-żona tal-iżvilupp fiż-Żejtun. L-attivisti tal-Moviment Graffiti u Kamp Emerġenza Ambjent okkuppaw id-daħla barra l-boardroom tal-Awtorità tal-Ippjanar, fejn kienet qed isir laqgħa pubblika dwar il-pompa tal-petrol. Ir-rapport jgħid li l-attivisti kienu qed jipprotestaw bid-daqq tat-tnabar jakkużaw lill-aAwtorità li tiżfen għad-daqqa tal-iżviluppaturi. Ir-ritratt li jakkumpanja dan l-artiklu juri żewġ Puliżija qed iżommu mal-art wieħed mill-attivisti. Il-ġurnal jirrapporta li pazjenti li jbatu minn uġigħ kroniku għandhom jistennew tal-inqas xahar biex jirċievu t-trattament l-isptar, b’aktar minn 300 persuna jinsabu fuq il-lista ta’ stennija.

L-Orizzont tirrapporta li fid-dawl ta’ żewġt imwiet f’xahar ta’ żgħażagħ li kienu qed jgħoddsu, il-President ta’ Malta Skin Divers Club saħaq dwar l-importanza li dejjem għandek tkun akkumpanjat meta tipprattika dan l-isport. Rapport ieħor jgħid li ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat nediet il-Pink October għal din is-sena. Ir-rapport jgħid li x-xahar ta’ Ottubru hu ddedikat għall-ħarsien u l-kura tal-kanċer tas-sider, li żdied b’rata allarmanti. Jgħid li sa mill-bidu ta’ din is-sena f’Malta kien hawn diġà 355 każ ġdid ta’ nisa jsofru bil-kanċer fis-sider mentri fid-dinja dan it-tip ta’ kanċer hu mistenni li se jolqot 15% tan-nisa bil-kanċer. Permezz tar-ritratt, l-Orizzont jikkwota lill-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid “Qed naraw kif rondi tal-Pulizija fil-Marsa jsiru permanenti”. Huwa kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni preżenti fl-inħawi tal-imsemmija lokalità.

The Malta Independent tirrapporta li hemm sinjali ta’ persuni li qed jgħixu fil-bini tal-kumpless abbandunat tal-White Rocks. Fi żjara fuq il-post intlemħu għadd ta’ oġġetti personali li jindikaw li hemm in-nies jgħixu hemmhekk. Jakkumpanja dan l-artiklu, ritratt ta’ bagalja miftuħa bi ħwejjeġ ġo fiha, basket u oġġetti personali oħra. Rapport ieħor jikkwota lill-attivist tal-Moviment Graffiti, Andrè Callus jgħid li każijiet ta’ diżubbidjenza ċivili huma parti importanti mid-demokrazija. Huwa qal dan ftit sigħat wara li l-Moviment ipprotesta waqt smigħ tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjoni għall-pompa tal-petrol fiż-Żejtun. Ir-rapport jgħid li din l-applikazzjoni ġiet rifjutata mill-Awtorità tal-Ippjanar.

In-Nazzjon tirrapporta li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li dan hu Gvern bla pjan dwar l-immigrazzjoni u l-ammont tal-popolazzjoni ta’ Malta. Staqsa jekk il-Gvern jixtieq ikabbar il-popolazzjoni ta’ Malta, hu lest biex jilqa’ sfidi akbar – bħall-problemi soċjali, l-edukazzjoni, l-identità, is-saħħa u l-integrazzjoni. Ir-ritratt juri l-ġlied bejn il-pulizija u l-ambjentalisti fl-Awtorità tal-Ippjanar, bin-Nazzjon tgħid li minkejja l-wegħdi tal-Gvern, il-policy dwar il-pompi tal-petrol baqgħet ma nbidlitx. In-Nazzjon jgħid ukoll li Adrian Delia jwiegħed komunikazzjoni ċara u diretta mal-kaċċaturi u n-nassaba. Huwa kellu laqgħa fid-Dar Ċentrali mal-President tal-FKNK Joe Perici Calascione.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

It-tifkira ta’ Lassana Cisse Souleymane, li kienet tpoġġiet fil-post fejn inqatel ġiet ivvandalizzata. Huwa kien inqatel kiesaħ u biered fit-triq li tagħti bejn Ħal Far u Birżebbuġa nhar is-6 t’April. B’rabta…

Lokali

Heritage Malta, flimkien mas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti u l-Università ta’ Macquarie, f’Sydney l-Awstralja, qed iħabbru l-bidu ta’ proġett internazzjonali u interdixxiplinarju li jinvolvi l-istudju tal-kranji umani li nstabu ġewwa l-Ipoġew…

Qorti

Ir-raġel suspettat bl-omiċidju ta’ Charlene Farrugia mistenni jitressaq il-Qorti llum. TVM jinsab infurmat li huwa se jitressaq b’rabta mal-hold up li seħħ ftit tal-jiem ilu f’ħanut fil-Gżira. Dwar l-akkużi b’rabta…

Aktar