Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-Ħadd

THE SUNDAY TIMES b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem ta’ membri tal-Ministeru tal-Emerġenza fl-Ukrajna qed iġorru wieħed mill-passiġġieri vittmi tal-ajruplan tal-Malaysian Airlines.

Rapport ta’ din il-gazzetta jgħid li mediċini kontra d-dipressjoni u l-ansjetá kienu jammontaw għal nofs l-overdoses internazzjonali li ġew trattati fl-ewwel ħames xhur tas-sena.

The Sunday Times b’rapport dwar it-traġedja ta’ iżjed immigranti hekk kif 19-il immigrant huma maħsuba mejta wara li għerqu meta kienu fil-parti t’isfel tad-dgħajsa waqt li mijiet oħra ġew salvati f’operazzjoni ta’ salvataġġ barra minn Malta nhar il-ġimgħa filgħaxija.

IT-TORĊA b’ritratt fil-paġna ta’ quddiem ta’ iżjed vittmi f’Gaza.

Rapport tat-Torċa jgħid li hekk kif għaddejja l-kriżi fil-Libja, hemm Maltin li jixtiequ jiġu lura Malta iżda jinsabu maqbuda f’djarhom. Il-gazzetta ħadet kummenti ta’ wħud minn dawn il-Maltin jgħidu li barra mid-djar hemm tensjoni kbira u perikoluż.

It-Torċa b’rapport li jgħid li l-assi finanzjarji tal-familja Gaddafi f’Malta, li jammontaw għal madwar €86 miljun, għalissa se jibqgħu miżmuma f’Malta, minkejja li qed jintalbu mill-awtoritajiet Libjani.

IL-MUMENT fil-paġna ta’ quddiem b’rapport dwar l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat iddeċieda li dawn ma jsirux u li dwar dan hemm diżgwid fil-kamp Laburista.

Rapport ieħor tal-Mument jgħid li l-Ministru Konrad Mizzi qed jaħbi kuntratt ta’ konsulent barrani fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Il-gazzetta tgħid li l-Ministru Mizzi ilu ġimgħat jinjora mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta dwar dan il-każ.

MALTATODAY b’rapport fil-paġna ta’ quddiem dwar stħarriġ li għamlet il-gazzetta dwar id-dikriminalizzazzjoni tad-droga. Tgħid li 85 fil-mija ta’ dawk li wieġbu qalu li dawk li jinqabdu jieħdu droga l-ewwel darba m’għandhomx jittieħdu l-qorti.

Maltatoday ukoll bir-rapport tad-19-il immigrant li mietu f’traġedja oħra fl-aħħar sigħat.

KULLĦADD b’rapport fil-paġna ta’ quddiem li jgħid li wara li kaxkar saqajh għal ħafna snin dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-Partit Nazzjonalista qed jinqeda bl-abbozz li ressaq Gvern Laburista biex isewwi l-problemi interni fil-Partit.

Il-gazzetta wkoll bid-dettalji tat-traġedja tal-immigranti.

Rapport ieħor tal-Kullħadd jgħid li l-inizjattiva tal-lezzjonijiet b’xejn għall-istudenti li m’għaddewx mill-eżamijiet tas-SEC tidher li kienet suċċess hekk kif il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li applikaw iktar minn 1,300 student.

Kullħadd b’rapport li jgħid li wara li m’għamel xejn biex jiġi riformat il-mod kif jinħatru l-imħallfin, il-Partit Nazzjonalista issa ħa interess fis-suġġett b’rabta mal-ħatra riċenti ta’ Wenzu Mintoff bħala Imħallef ġdid.

THE MALTA INDEPENDENT ON SUNDAY b’rapport dwar Maltin li jinsabu l-Libja u li jixtiequ jiġu evakwati.

Rapport ieħor ta’ din il-gazzetta jsaqsi jekk il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi, hijiex membru tal-korp diplomatiku jew le. Dan għaliex is-sinjura Mizzi ngħatat paga ta’ ambaxxatur, passaport diplomatiku u x-xogħol li trid tiżvolġi hu ta’ persuna fid-diplomazija.

Il-gazzetta tintervista lill-missier Sirjan li f’Ottubru li għadda tilef lill-martu u lill-bintu fit-traġedja barra Lampedusa, jgħid li jemmen li ma mietux għalxejn minħabba li qal li kawża tal-imwiet ta’ dik it-traġedja nbidlu xi policies u qed imutu inqas immigranti fuq il-baħar.

ILLUM b’rapport fil-pagna ta’ quddiem jgħid li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex jipposponi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali qed tiġi interpretata bħala waħda li qed issir biex jisfratta l-parteċipazzjoni fir-referendum biex tiġi abrogata l-kaċċa fir-rebbiegħa.

Rapport ieħor ta’ Illum dwar ir-riżenja ta’ Ian Castaldi Paris minn sindku ta’ Ħal Lija. Jgħid li għalkemm Dr. Castaldi Paris attribwixxa r-riżenja għax ma kienx stmat mill-Partit Nazzjoanlista, hemm bosta kontroversji dwar kif l-eks-sindku kien imexxi l-kunsill lokali.

L-Illum b’rapport ieħor li jgħid li sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista qalu li Chris Scicluna aktarx ikun il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.