X

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hija ħarsa ħafifa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum, l-Erbgħa 12 ta’ Settembru:

The Malta Independent b’ritratt tal-kaptan tal-MV Lifeline Claus-Peter Reisch fi triqtu lejn il-Qorti – akkumpanjat minn għadd ta’ persuni b’idejhom miżbugħin ħomor u b’maskri ta’ mexxejja Ewropej. Huma kienu qed jipprotestaw kontra l-mexxejja Ewropej, li qalu huma responsabbli għall-mewt ta’ għadd ta’ immigranti fil-Mediterran. Rapport ieħor jgħid li avukat għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia lbieraħ qal li r-rwoll kostituzzjonali tal-klijent tiegħu qed jiġi mxekkel mill-Avukat Ġenerali. Dr Delia qed jitlob għal koppja tar-rapport tal-inkjesta dwar Egrant. Ir-rapport jgħid li l-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja ġew ippubblikati f’Lulju, bil-Prim Ministru qal li jrid li l-inkjesta sħiħa tiġi ppubblikata minkejja li l-Avukat Ġenerali huwa kontra li dan iseħħ.

In-Nazzjon jikkwota lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jgħid li l-Avukat Ġenerali jrid b’kull mod jagħlaq ħalq kulħadd. Huwa qal dan wara seduta fil-Qorti Kostituzzjonali fil-kawża kontra l-istess Avukat Ġenerali. F’kummenti mal-ġurnalisti, Adrian Delia qal li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jinsisti li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandu dritt itella’ lil ħadd jixhed. F’rapport ieħor in-Nazzjon tgħid li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li l-ħajja hija l-aktar valur għall-qalb tal-Partit Nazzjonalista. F’kummenti li ta wara l-protesta li għamel l-ekwipaġġ tal-vapur Lifeline quddiem il-qorti lbieraħ, Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni tisħaq li f’ħidmiet ta’ salvataġġ fl-ibħra Maltin, jitħarsu l-liġijiet internazzjonali kif ukoll l-interessi tal-pajjiż.

Malta Today tirrapporta li omm Liam Debono – iż-żagħżugħ ta’ sbatax-il sena akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ pulizija – kienet tagħtih il-cannabis ta’ disa’ snin biex iżommu kwiet. Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud ilbieraħ xehed l-Ispettur Malcolm Bondin. L-ispettur qal li Debono twaqqaf mill-pulizija tal-RIU wara li kien qed jagħmel manuvri suspettużi. Qal li l-pulizija fil-karozza sabet dik li kienet suspettata li hi droga, li ż-żagħżugħ ammetta li kienet sustanza tal-ħaxixa tal-cannabis u li kienet tiegħu. Iż-żagħżugħ kien ipejjep bejn tlieta u erba’ grammi kuljum mindu kellu disa’ snin. Rapport ieħor jgħid li avukat ta’ Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal lill-imħallef li rwol ta’ Adrian Delia qed jiġi mxekkel mill-Avukat Ġenerali. Rapport ieħor fuq il-faċċata tal-Malta Today jgħid li Sea-Watch wissiet li se żżomm lill-gvern Malti responsabbli talli ilu aktar minn xahrejn iżomm il-vapur Sea-Watch 3 mingħajr ġustifikazzjoni legali.

Times of Malta tirrapporta li l-adulti f’Malta jikkunsmaw bejn xarba u żewġ xarbiet alkoħoliċi kuljum. Dan joħroġ minn studju ppubblikat f’ġurnal mediku magħruf, li evalwa l-impatt tal-alkoħol f’195 pajjż. Rapport ieħor jgħid li t-twaqqiegħ ta’ bini antik ħafna drabi jkollu l-oġġezzjoni tar-residenti li jgħixu fil-qrib, iżda fil-każ ta’ dar antika f’Santa Venera, ir-residenti huma kolonja ta’ friefet il-lejl li sabu posthom f’din id-dar jew il-ġonna tagħha. Ir-rapport jgħid li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tikkunsidra applikazzjoni għat-twaqqigħ ta’ żewġt id-djar fi Triq il-Lunzjata, li tagħhom se tinżamm biss il-faċċata kif ukoll ġnien kbir, biex tinbena blokka appartamenti ta’ ħames sulari. Ir-ritratt ta’ Times of Malta juri lill-kaptan tal-Lifeline Claus-Peter Reisch akkumpanjat minn għadd ta’ voluntiera lebsin maskri ta’ diversi politiċi, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini, fi protesta lbieraħ fi Triq ir-Repubblika l-Belt.

L-Orizzont tirrapporta li s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja qal li t-tkabbir ekonomiku mgħaġġel li qed jesperjenza l-pajjiż qed iwassal għal dipendenza akbar ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin, li qed toħloq pressjoni fuq is-suq tal-proprjetà speċjalment dak tas-suq tal-kera. Qal li l-kirjiet għolew b’rata li mhux fl-istess livell kif żdiedu l-pagi. Rapport ieħor jgħid li l-Isqof ta’ Tripli George Bugeja rrimarka ma’ dan il-ġurnal li l-Maltin li hemm jaħdmu u jgħixu fil-Libja jinsabu kollha fi stat tajjeb. L-Orizzont f’artiklu ieħor jgħid li t-trobbija hija iktar minn sempliċi kura tal-ħtiġijiet fiżiċi tat-tarbija.

RA :