Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

The Times of Malta

The Times of Malta tirrapporta li skont il-Kunsill tal-Ewropa, in-numru ta’ priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin żdied b’aktar minn 80% f’perjodu ta’ għaxar snin. Ir-rapport, li sar mill-Università ta’ Lausanne u ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa, jgħid li ż-żieda seħħet l-aktar bejn l-2005 u l-2008 u, skont l-informazzjoni li nġabret waqt ir-riċerka, kienet parzjalment marbuta mal-influss ta’ immigranti illegali. Rapport ieħor jgħid li l-pjan kontroversjali għal dar tal-anzjani f’barriera abbandunata f’Wied Għomor twaqqfu għat-tielet darba meta lbieraħ il-qorti rrifjutat appell ieħor mill-iżviluppatur. Ir-ritratt ta’ Times of Malta bit-titlu “street protest”, juri karozza li ngħatat in-nar f’nofs ta’ triq hekk kif żgħażagħ u studenti ġġieldu mal-pulizija waqt dimostrazzjoni f’Marsilja kontra l-pjan ta’ riforma tal-gvern Franċiż.

L-Orizzont

L-Orizzont tirrapporta li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Chris Cardona jinnotaw b’sodisfazzjon l-aħħar figuri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li juru kif bejn Lulju u Settembru li għadda l-ekonomija kibret b’€281 miljun fuq l-istess tliet xhur tal–2017. Skont dan il-ġurnal l-ekonomija kibret erba’ darbiet il-medja tal-Unjoni Ewropea. F’rapport ieħor insibu li Dr Philip Carabott, konsulent fil-Mediċina Ġenitourinarja, jisħaq li l-PrEP hija pillola b’96% effettività biex tipprevjeni trażmissjoni tal-HIV. Fuq il-faċċata rapport ieħor li jgħid li waqt il-programm Xtra mal-ġurnalist Saviour Balzan li xxandar ilbieraħ tard filgħaxija fuq TVM, il-Ministru Konrad Mizzi saħaq li se jkompli jkun protagonist fil-pjan ta’ Joseph Muscat, u allura se jara li l-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem minn kull aspett. Mistoqsi speċifikament hux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni li jmiss, il-Ministru Mizzi kkonferma li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, għax qal irid ikompli jaħdem għall-bidla pożittiva f’Malta. U permezz tar-ritratt l-Orizzont jirrapporta li fis-Siġġiewi saret il-festa liturġika ta’ San Nikola fost briju kbir.

The Malta Independent

The Malta Independent tirrapporta li skont il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika, Simone Cini x-xelter għall-vittmi li jkunu għaddew minn vjolenza domestika qed jaċċettaw ħafna nisa barranin. Qalet li r-raġuni hija li kulturalment ċertu affarijiet jiġu aċċettati fil-pajjiżi minn fejn ikun ġejjin. Ir-rapport jgħid, li Simone Cini, ex reporter fuq One TV, inħatret f’din il-kariga f’Settembru li għada mill-Ministeru għall-Ugwaljanza. Rapport ieħor jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li m’aħniex ngħixu f’pajjiż normali u akkuża lill-Ministru għall-Ġustizzja li m’għandux dritt morali li jitkellem dwar il-libertà tal-espressjoni fid-dawl ta’ dak li huwa ddeskriva bħala sforz biex titwaqqaf il-libertà ta’ espressjoni tas-soċjetà ċivili. Ir-rapport jgħid li lbieraħ saret sessjoni Parlamentari straordinarja biex issir diskussjoni dwar abbozz ta’ liġi privat li isejjaħ għal inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, flimkien mar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Ir-ritratt ta’ The Malta Independet juri excavator li għeleb fit-Triq tal-Balal f’San Ġwann, ilbieraħ. Ħadd ma ndarab fl-inċident.

In-Nazzjon

In-Nazzjon tirrapporta li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna fil-Parlament li minkejja l-Oppożizzjoni u l-oġġezzjoni tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ l-leħen tal-ġustizzja fil-pajjiż u għalhekk qed jinsisti fuq inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-Parlament, waqt id-diskussjoni fuq il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni, Adrian Delia qal li l-pajjiż mhux normali meta l-Ministru tal-Ġustizzja qam jitkellem meta proprju kien hu li għamel tentattiv biex issiket lis-Soċjetà Ċivili b’kull skuża possibbli li seta’ jsib. F’rapport ieħor, in-Nazzjon tgħid li numru ta’ Libjani lesti jixhdu kontra Neville Gafà. Jgħid li s-Sur Gafà kien isaqsi lill-midruba fil-Libja għal ħlas biex jingħataw visas mediċi li suppost jingħataw bla ħlas, inkella ma jingħatawx il-kura meħtieġa. Ir-ritratt juri l-festa li saret ilbieraħ fis-Siġġiewi, fejn għexieren ta’ studenti ċċelebraw il-festa ta’ San Nikola.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Raġel sofra minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fir-Rabat. L-inċident seħħ illum għall-ħabta tal-5.30pm fi Triq Sqaq iċ-Ċawla. Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija jirriżulta li seħħet ħabta bejn żewġ…

Lokali

Inqas minn ġimgħatejn bogħod mill-Milied xi ħadd se jkun qiegħed jiċċelebraħ bħala miljunarju hekk kif illejla ntrebħet is-Super 5. Skont il-Maltco, kien hemm biljett wieħed li rnexxielu jaqta’ l-5 numri…

Partit Laburista

F’ċerimonja fuq il-mafkar ta’ Jum ir-Repubblika fi Triq Diċembru 13 il-Partit Laburista sellem lil Malta Repubblika. Fi stqarrija ngħad li l-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar is-sinjifikat ta’ din il-ġrajja…

Lokali

Il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, l-IIP sa issa kkontribwixxa kważi sitt mitt miljun ewro (€582) fil-fond nazzjonali għall-iżvilupp soċjali li twaqqaf apposta u fil-Fond Konsolidat. Fir-rapport annwali maħruġ mill-Uffiċċju li jirregola…

Aktar