Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

IN-NAZZJON tgħid li aktar minn 1,000 persuna ġew arrestati madwar l-Ewropa fuq traffikar ta’ persuni, droga u kriminalità oħra. Ir-rapport fuq il-paġna ta’ quddiem jgħid li fis-sigħat li għaddew, forzi tal-pulizija minn 34 pajjiż, fosthom il-pulizija Maltija, temmew b’suċċess dik li qed titqies bħala l-akbar offensiva li qatt saret b’mod kollettiv internazzjonalment kontra l-kriminalità organizzata. F’aktar stejjer, il-ġurnal jgħid li transport Malta qed tinjora lmenti mir-residenti Qriema u li l-Qorti waqqfet lill-Gvern mill-jagħti transfer politiku. Mill-aħbarijiet internazzjonali tirraporta il-qtil tat-turist Franċiż li kien qed jinżamm bħala ostaġġ fl-Alġerija.

THE TIMES OF MALTA b’ritratt tal-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna mal-voluntiera tal-Birdlife josserva l-għasafar. Ir-rapport jgħid li l-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna ikkundanna l-aggressjoni tal-kaċċatturi ta’ nhar il-Ħadd li għadda u kkundanna l-attakki fuq grupp ta’ birdwatchers, waqt li sejjaħ biex il-liġijiet jiġu rispettata. Storja oħra tgħid li skont l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija, Ray Zammit, 100 uffiċjal tal-pulizija oħra f’Paceville mhumiex biżżejjed biex jikkontrollaw il-kriminalità li teżisti fiż-żona. Huwa qal li l-kwistjoni mhix ta’ nuqqas ta’ puliżija.

L-ORIZZONT b’ritratt tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qed iżur it-tinda f’Ta’ Qali fejn għaddejin l-aħħar tħejjijiet għas-sitt edizzjoni ta’ Rockestra b’risq il-Malta Community Chest Fund. Il-ġurnal jgħid li Alphonse Ferriggi, il-messaġġier tal-Bank of Valletta li kien inqatel 14-il sena ilu waqt hold up, kellu nofs wiċċu mtajjar bit-tir li kien ġie sparat fid-direzzjoni tiegħu. Bit-titlu ‘Infirex fl-abitat’, rapport ieħor jgħid li wara l-istejjer ippubblikati minn dan il-ġurnal dwar il-Bagħal taż-Żunżan, insett li kien sparixxa minn Malta li iżda reġa feġġ fl-aħħar xhur, waslu għadd kbir ta’ rapporti, dwar żoni fl-abitat fejn qed jgħix dan l-insett li hu ikbar sew min-naħla u perikoluż.

THE MALTA INDEPENDENT tgħid li n-nuqqas ta’ oġġettivita’ f’investigazzjoni mill-eks kummissarju tal-pulizija Peter Paul Zammit kienet tiġi ttratta aħjar billi hu ma jibqax iżjed responsabbli mill-korp tal-pulizija. Ir-rapport jgħid li l-ebda azzjoni oħra m’hu se tittieħed kontra l-eks kummissarju tal-pulizijia. Storja oħra tgħid li l-proċeduri biex tkun introdotta pen injection għall-pażjenti li jbagħtu minn Multiple Sclerosis mistennija jkunu konklużi fi żmien qasir u se jitqassmu lill-pażjenti meta l-formolazzjoni preċedenti tispiċċa.