Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

The Times of Malta tgħid li Malta se taffaċċja azzjoni legali mill-Unjoni Ewropea minħabba d-deċizjoni tal-gvern biex mix-xahar id-dieħel jerġa jinfetaħ l-istaġun tal-insib wara nuqqas ta’ ħames snin. Madanakollu, d-deċiżjoni finali dwar jekk Karmenu Vella jinħatarx Kummissarju Ewropew tista’ tkun ittieħdet jekk il-proċeduri jittardjaw. Bħal diversi ġurnali oħra, Times of Malta tirraporta l-istqarrija tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli fejn qal li aġenzija ewropea ta’ kontra il-frodi qed tagħmel tentattivi iddisprati fid-dawl tal-evidenza ġdida dwar il-każ meta fl-2012 kien imġiegħel jirriżenja. U ritratt separat meħud minn fuq juri ajruplan tal-linja nazzjoanli tal-ajru l-Air Malta segwit minn disa’ ajruplani tar-red arrows li lbieraħ paxxew lil dawk kollha li rawhom ituiru fuq Malta waqt il-wirja internazzjonali tal-ajru.

The Malta Independent ukoll tippublika ritratt tal-‘fly past’ li għamel l-ajruplan tal-Airmalta flimkien mar-‘Red Arrows’, bil-ġurnal juri il-mument fejn bid-dħaħen, l-ajruplani mir-Renju Unit ffurmaw l-ilwien tal-bandiera Maltija. Dan il-ġurnal jgħid ukoll li għaxart ijiem qabel skont ma qal il-Kummisarju Ewropew nominat Karmenu Vella ivvota IVA biex Malta tissieħeb bħala stat membru fl-Unjoni Ewropea, huwa kien qed jikkampanja kontra dan id-dħul fuq l-istazzjon nazzjonali, Television Malta. Il-ġurnal jirraporta ukoll li l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli rrifjuta milli jirrispondi domandi ta’ dan il-ġurnal dwar il-vjaġġ tiegħu lejn Singapore waqt li kien għadu jokkupa il-kariga tiegħu fi Brussell.

In-Nazzjon tirraporta li l-kunsill lokali tas-Sannat qed jikser il-liġi wara li ilu ma’ jiltaqa’ aktar minn xahar meta suppost, skond il-liġi tal-kunsilli lokali, kunsill hu obbligat li jiltaqa ta’ mill-inqas darba fix-xahar. Dan il-ġurnal ukoll ippublika ritratt tal-‘fly past’ li sar ilbieraħ bl-ajruplan tal-Airmalta segwit mill-ajruplani tar-red arrows li f’dan ir-ritratt qed iħallu l-ilwien tal-bandiera tar-Renju Unit permezz tad-dħaħen. Stejjer li jkomplu fil-paġni ta’ ġewwa jinkludu il-protesta fil-belt kontra l-immigrazzjoni rregolari f’Malta. Jgħid ukoll li inġabru kważi €45,000 fil-maratona Sfida 51 li xxandret matul tmiem il-ġimgħa fuq Net TV kif ukoll jirraporta li intefa’ gass tad-dmugħ lejn id-dimostranti f’Hong Kong.

L-Orizzont ukoll tirraporta dak li qal John dalli dwar l-Olaf u l-kollaboraturi tagħha f’Malta, li skont hu, jipprovaw jikkontrarjaw konklużjonijiet ovbji minn osservaturi oġġettivi. Bħal ġurnali l-oħra, dan il-ġurnal ma jonqosx milli jippublika ritratt tal-‘fly past’ li sar ilbieraħ.