Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hija ħarsa ħafifa lejn il-ġurnali ppubblikati llum l-Erbgħa 14 ta’ Awwissu 2019

Fl-ewwel paġna ta’ The Malta Independent insibu ritratt tal-qraba ta’ Nora Quoirin li ddentifikaw il-katavru ta’ tifla ta’ 15-il sena bħala dak ta’ binthom li għebet fil-Malasja waqt li kienet fuq btala mal-ġenituri tagħha. Storja oħra tgħid li n-Nazzjonijiet Magħquda kkonfermaw li esperti qed jinvestigaw cyberattack mill-Korea ta’ Fuq fuq Malta – pajjiż minn 17 li kien fil-mira ta’ dawn l-attakki. Fl-ewwel paġna wkoll insibu l-appell tal-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-UNHCR lill-Gvernijiet Ewropej sabiex jagħtu permess immedjat lil aktar minn 500 immigrant li ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma sabiex jiżbarkaw.

Fil-faċċata ta’ In-Nazzjon insibu ritratt ta’ anzjan akkumpanjat minn kapxin li tgħid li ftit inqas minn 80,000 persuna jinsabu fir-riskju tal-faqar, li 36,000 ruħ m’għandhomx biżżejjed flus biex isaħħnu djarhom, li 27,000 persuna ma jaffordjawx jixtru ikel nutrittiv u li 12,000 ruħ ma jibqgħalhomx biżżejjed flus sal-aħħar tax-xahar. Insibu wkoll rapport li jikkwota lil Peter Paul Bonnici mill-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani jgħid fost oħrajn li r-realtà tal-faqar hi ta’ għajb għall-Gvern.

Fl-ewwel paġna ta’ Times of Malta insibu ritratt tal-immigrant bla ħajja fuq dinghi li nstab it-Tnejn filgħaxija meta l-Forzi Armati ta’ Malta kienu qed jikkordinaw operazzjoni ta’ salvataġġ. Ir-ritratt akkumpanjat b’artiklu li jikkwota lill-aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-UNHCR twissi b’tellieqa kontra l-ħin biex aktar minn 500 immigrant jiddaħħlu f’port sigur filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea qalet li ma rċeviet l-ebda talba formali biex tikkordina soluzzjoni. Storja oħra fil-faċċata tgħid li l-mara li dehret f’filmat fuq il-media soċjali tiġi garata bil-bajd waqt bachelor’s party, x’aktarx li se tkun qed terġa’ tiġi redikolata fil-ġimgħat li ġejjin iżda l-awtoritajiet qalu li m’għandhom l-ebda saħħa sabiex jintervjenu.

Fil-faċċata ta’ l-Orizzont insibu ritratt ta’ sit li tnaddaf mill-iskart f’Ħal Far. Insibu wkoll rapport li jgħid li Transport Malta mistennija żżid mal-130 charging point oħra għall-vetturi elettriċi madwar il-pajjiż. Storja oħra fl-ewwel paġna tikkwota lis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri jgħid li xahar wara li ġew implimentati r-regoli ġodda li jħarsu id-drittijiet taż-żwiemel, il-maġġoranza tas-sidien tal-karozzini qegħdin jobdu l-liġi.