Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hija ħarsa ħafifa lejn il-ġurnali ppublikati llum il-Ġimgħa 13 ta’ Settembru 2019

Fl-ewwel paġna ta’ Times of Malta nsibu ritratt ta’ attivista kontra l-Brexit waqt id-dimostrazzjoni li saret quddiem il-Parlament f’Londra kontra l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Insibu wkoll artiklu dwar ir-rapport finali tal-kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus, MONEYVAL li sejjaħ lill-awtoritajiet Maltin biex ikunu aktar effettivi fl-infurzar u l-applikazzjoni tal-miżuri kontra l-ħasil ta’ flus speċjalment f’każi relatati mal-finanzi, it-tixħim u l-korruzzjoni. Fl-ewwel paġna nsibu wkoll storja li tgħid li l-Union UĦM Voice of the Workers qed twissi li l-operazzjonijiet li għexieren ta’ persuni qed jistennew biex jagħmlu, jistgħu jitħassru għax mal-1,000 ħaddiem fil-qasam tas-saħħa mistennija jieħdu sehem f’azzjoni industrijali li bdiet it-Tlieta minħabba kwistjoni dwar liema union għandha rikonoxximent uffiċjali għal professjonisti fil-qasam tas-saħħa.

Fil-faċċata ta’ l-Orizzont insibu ritratt ta’ Matthew Zahra, xufer ta’ taxi ta’ 27 sena li kien irrapportat nieqes u li l-fdalijiet tiegħu kienu nstabu f’għalqa f’Birżebbuga, bir-rapport jgħid li l-familja ta’ Zahra għadha qed tistenna li jinħareġ iċ-ċertifikat tal-mewt u r-rilaxx tal-katavru. Rapport ieħor huwa dwar Seydou Bandaogo ta’ 38 sena mill-Burkina Faso li ngħata sentenza ta’ 20 sena ħabs filwaqt li Emmanuel Ngumezi ta’ 39 sena min-Niġerja ġie kkundannat 61 xahar ħabs fi tmiem ġuri li matulu huma kienu akkużati bil-ħtif u stupru ta’ tfajla Taljana f’Pembroke. Bandaogo nstab ħati li ħataf u li stupra lit-tfajla filwaqt li Ngumezi nstab ħati biss li ħatafha. Fil-faċċata nsibu wkoll ritratt tal-President tal-Fondazzjoni Puttinu Cares, Dr Victor Calvagna li qal li għalkemm ir-rata ta’ fejqan mill-kanċer fost il-kbar mhix daqs kemm hi fost it-tfal, jidher li qed isir progress fuq is-snin ta’ qabel.

Fl-ewwel paġna ta’ The Malta Independent insibu ritratt ta’ tlugħ ix-xemx f’Għar Qawla f’Marsalforn Għawdex. Rapport ieħor fl-ewwel paġna jgħid li tfal fl-etajiet tal-iskola primarja li huma adottati minn ġenituri tal-istess sess, jew huma nfushom LGBTIQ, qalu li jħossuhom obbligati li jigdbu fuq il-familja tagħhom biex jevitaw li jiġu bullied, esklużi jew umiljati. Tfal LGBTIQ qalu li jħossuhom inviżibbli fil-klassi u enfasizzaw li l-familji tagħhom għandhom jiġu rikonoxxuti u aċċettati. Storja oħra fl-ewwel paġna tgħid li skont stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru, bi 92 fil-mija tal-popolazzjoni Maltija jaħsbu li l-problema tal-bidla fil-klima hija waħda serja ħafna, il-Maltin ħarġu li huma l-aktar Ewropew mħassba dwar il-kwistjoni.

Fil-faċċata ta’ In-Nazzjon insibu ritratt ta’ anzjani waqt quddiesa li tat bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet bi tħejjija għal Jum iddedikat lill-Anzjani mfakkar fl-1 ta’ Ottubru. Insibu wkoll rapport li jikkwota lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jgħid li l-PN mhux se jippermetti li l-biedja tfalli iżda jrid li jsaħħaħ dan is-settur biex il-pajjiż ma jiddependix mill-ikel impurtat. Artiklu ieħor huwa dwar ir-rapport finali tal-kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus, MONEYVAL li qal fost oħrajn li waqt li jirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet Maltin biex jiġu identifikati l-vulnerabbiltajiet tas-sistema, għad hemm fatturi importanti speċjalment fil-prevenzjoni tar-reati, l-iżvilupp tat-teknoloġiji ġodda u l-użu tal-flus kontanti li għad mhux jiġi analizzati jew miftehma biżżejjed.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-Wasteserv bdiet il-proċess biex tkabbar il-faċilitajiet tagħha fil-Magħtab. Madwar għoxrin bidwi fl-inħawi li bejniethom għandhom madwar 250,000 metru kwadru ta’ raba’ ġew infurmati li l-Wasteserv qed tikkunsidra li tespropja din…

Kronaka

Raġel ta’ nazzjonalità barranija ġie arrestat wara li allegatament saq fuq uffiċjal tal-pulizija. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-17:30 fl-akkwati ta’ Buġibba u ġie arrestat ftit tal-ħin wara fil-Mellieħa. Aktar dettalji fil-ħin…

Lokali

Il-kumpanija Steward Health Care Malta ppreżentat lill-Awtorita tal-Ippjanar applikazzjoni ta’ żvilupp għall-Isptar San Luqa biex fi kliemha jerġa’ jingħata l-ħajja bħala sptar modern li jinkludi aċċessibiltà aħjar għall-ispazji miftuħin u…

Għawdex

Għadha attiva ħafna fuq l-aġenda tal-gvern l-idea li Malta jkollha sistema ta’ metro, tant li l-Ministru Ian Borg ikkonferma ma’ TVM li l-istudju dwar dan jinsab fl-aħħar fażi tiegħu u…

Aktar