Current Affairs
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hi ħarsa lejn l-istejjer fuq il-faċċata tal-ġurnali tal-lum, l-Erbgħa 28 ta’ Ottubru 2020.

 

The Malta Independent

Fl-ewwel paġna ta’ The Malta Independent ritratt b’rapport relatat dwar in-nirien li feġġ ilbieraħ fl-impjant tal-Wasteserv fil-Marsa. Il-ġurnal jirrapporta li n-nar beda għas-seba’ u nofs ta’ filgħodu u ħadd ma weġġa’ filwaqt li infetħet inkjesta maġisterjali biex tistħarreġ l-inċident. Rapport ieħor fl-ewwel paġna jgħid li l-Assoċjazzjoni tal-Kaċċaturi San Ubertu qed tisħaq li għandhom jiddaħħlu liġijiet li jissalvagwardjaw lil kaċċaturi minn provokazzjoni u azzjonijiet ta’ estremisti li juru mibegħda lejn il-kaċċaturi.

 

In-Nazzjon

Fl-ewwel paġna in-Nazzjon jikkwota Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-ewwel reazzjoni tiegħu għaddiskors tal-Prim Ministruu Robert Abela fil-Parlament li qal li l-bniedem huwa ċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista u li l-Oppożizzjoni għandha rwol li tanalizza u tikkritika b’mod kostruttiv dak li jkun qed jagħmel il-Gvern. Rapport ieħor fl-ewwel paġna din id-darba dwar il-Covid fejn il-ġurnal jirrapporta li l-vittmi tal-pandemija f’pajjiżna jitilgħu għal 55 wara żewġt imwiet ilbieraħ.

MaltaToday

The Malta Today fl-ewwel paġna rapport li jikkwota l-avukat ta’ wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia Mark Sant li stqarr li jkun għaqli kieku l-Prim Ministru Robert Abela jilqa’ t-talba tar-rikuża fil-każ tal-maħfra presidenzjali tal-klijent tiegħu Vince Muscat il-Koħħu. Fl-ewwel paġna rapport dwar id-diskors tal-Prim Ministru fil-Parlament b’risposta għar-replika tal-Oppożizzjoni. Rapport ieħor dwar in-numri tal-covid f’Malta u b’rapport addizzjonali analitiku dwar id-diskors tal-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fil-Parlament bil-ġurnal jlaqqmu diskors fqir għall-viżjoni ġdida.

The Times of Malta

Fl-ewwel paġna The Times b’rapport dwar id-diskors tal-Prim Ministru ilbieraħ fil-parlament li fih saħaq li l-Gvern ta kemm felaħ lin-nies fi żmien ta’ pandemija u ma ħa xejn lura. Rapport ieħor tal-ġurnal jgħid li skont sorsi l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna mistenni jirriżenja fil-ġimgħat li ġejjin bid-Deputat Clyde Caruana mistenni jieħu postu bħala Ministru tal-Finanzi. Il-ġurnal jgħid li meta kkuntattjat il-Professur Scicluna kkonferma li informa lil Prim Ministru Abela li mhux biħsiebu jikkontesta elezzjoni ġenerali oħra.

L-Orizzont

Fl-ewwel paġna rapport bil-ġurnal jikkwota lit-tabib Dr Frank Portelli li qed jappella biex il-Vitamina D tibda tingħata bħala parti mill-iskema tal-Pharmacy of your choice (POYC), filwaqt li żied jgħid li żewġ terzi talMaltin għandhom livelli baxxi ta’din il-vitamina. Rapport ieħor jgħid li Wieħed mill-vaċċini sperimentali ewlenin kontra l-Covid-19 wera riżultati promettenti u tama ġdida. Dan hekk kif il-vaċċin li qed jiġi żviluppat mil-Università ta’ Oxford u l-kumpanija tal-biofarmaċewtika AstraZeneca wera rispons immunitarju inkoraġġanti u simili kemm fost l-anzjani, li huma l-grupp bl-akbar riskju millvirus, kif ukoll fil-parteċipanti iżgħar.Ir-rapport ewlieni fil-faċċata jagħti ħarsa lejn id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament ilbieraħ bi tweġiba għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Il-ġurnal jgħid li kien diskors mill-aktar pożittiv u li mhux biss enfasizza l-preżent imma tkellem dwar il-viżjoni li għandu l-Gvern.