Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum il-Ħamis, 8 t’April 2021.

In-Nazzjon

Fuq il-faċċata tal-ġurnal in-Nazzjon insibu l-istorja prinċipali li tikkwota lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt programm televiżiv jgħid li l-PN se jħabbar pjan ta’ 10 snin għall-irkupru u l-futur tat-turiżmu. Żewġ stejjer oħrajn jiffukaw fuq is-sitwazzjoni tal-Covid-19, fejn waħda tgħid kif il-każi ta’ mwiet f’pajjiżna issa telgħu għal 400, waqt li storja oħra tgħid li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-kawtela li qed tiġi addottata mill-Gvern fir-rilaxx tal-miżuri.

The Times of Malta

Fuq l-ewwel paġna tal-ġurnal The Times of Malta insibu rappurtaġġ dwar ir-rilaxximent gradwali tal-miżuri tal-Covid-19, b’ritratt tal-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet. Dan flimkien ma’ tabella li fiha jiġi spjegat liema huma l-miżuri li se jibdew jiġu rilaxxati minn nhar it-Tnejn li ġej. Storja oħra tikkwota lill-President tal-Istitut Malti tal-Accountants li f’ittra li bagħat lill-accountants kollha tal-pajjiż, dan qal li bl-aġir tagħhom id-diretturi u l-impjegati ta’ Nexia BT ġabu l-professjoni ta’ accountant tidher bħala “professjoni inferjuri.”

L-Orizzont

L-istorja ewlenija fil-faċċata ta’ L-Orizzont tiffoka fuq ir-rilaxx tal-miżuri li ħabbar ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela, li l-ġurnal kwotah jgħid li t-tfal ma jifilħux jitilfu iżjed mill-esperjenza edukattiva u għandhom bżonn l-esperjenza skolastika. Intant storja oħra tirrapporta laqgħa li l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union kellha mal-Ambaxxatur Taljan għal Malta.

The Malta Independent

Fuq il-faċċata ta’ The Malta Independent l-istorja prinċipali tgħid li l-iskejjel se jkunu qed jiftħu min-nhar it-Tnejn li ġej u li ħwienet mhux essenzjali se jingħataw il-permess li jerġgħu jibdew joperaw fis-26 t’April. Storja oħra titratta s-sitwazzjoni tal-Covid-19 fejn waqt li tirrapporta l-ammont ta’ każi tal-bieraħ, tgħid kif issa l-ammont ta’ mwiet telgħu għal 400.