Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali llum il-Ħadd, 18 ta’ April.

The Sunday Times of Malta

Nibdew billi nagħtu ħarsa lejn The Sunday Times of Malta li l-istorja prinċipali tgħid kif investigazzjonijiet mill-FIAU dwar ħasil ta’ flus, żdiedu b’mitejn fil-mija. Storja oħra fl-istess faċċata tgħid li erbatax fil-mija tal-imwiet tal-Covid-19 f’pajjiżna, ma ġewx ikkawżati mill-Covid direttament iżda minn affarjiet oħra.

It-Torċa

Il-ġurnal it-Torċa fl-ewwel paġna tiegħu insibu storja li tgħid kif persuni li attakkaw id-deċiżjoni tal-Gvern li poġġa lill-anzjali Għawdxin f’lukanda tul il-pandemija, riedu minflok li jpoġġu lill-istess anzjali f’kunvent li skont il-ġurnal għadu taħt kostruzzjoni. Storja oħra fl-ewwel paġna titkellem dwar l-imwiet mill-pandemija, u tikkwota lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jgħid li Malta għandha rati aħjar minn pajjiżi barranin.

Il-Mument

Fl-ewwel paġna tal-Mument insibu intervista li fiha jingħad li hemm bżonn ta’ pjan ħolistiku għas-settur turistiku ta’ pajjiżna. Storja oħra tikkwota lid-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco jgħid li l-falliment tal-Gvern fl-Air Malta jeħtieġ irkupru ekonomiku b’saħħtu.

Maltatoday

Fil-faċċata tal-MaltaToday insibu storja li tgħid li bil-għan li titnaqqas il-popolazzjoni tal-ħabs, għadd ta’ priġunieri li jinstabu ħatja ta’ reati minuri, se jkunu qed jiġu ‘tagged’ minflok ma jintbagħtu l-ħabs. Storja oħra titratta stħarriġ li għamel il-ġurnal, u li minnu ħareġ li waqt li qed noħorġu bil-mod mill-pandemija, l-ikbar inkwiet għall-votanti Laburisti hija l-korruzzjoni.

Kulħadd

Il-ġurnal Kulħadd għandu fuq il-faċċata tiegħu ritratt tal-flyovers il-ġodda tal-Marsa li ġew inawgurati uffiċjalment fil-jiem li għaddew. L-istorja prinċipali imbagħad tgħdi li l-iskuża tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil li l-aħħar elezzjoni ġenerali kienet misruqha mill-Partit Laburista, iġibuha fix-xejn il-fatti.

Illum

Fil-faċċata tal-ġurnal Illum insibu sondaġġ li għamlet il-gazzetta u li jgħid li ż-żgħażagħ huma l-iktar bi ħġarhom kontra d-dħul ta’ iktar miżuri, waqt li b’kuntrast, l-anzjani huma ferm aktar favur.