Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hi ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnal tal-lum.

L-Orizzont

Permezz ta’ storja ritratt l-Orizzont jirrapporta l-istorja umana ta’ tfajjel ta’ tmien snin li se jirritorna lura l-iskola wara sena terapija għall-Lukimja. Permezz ta’ storja oħra l-ġurnal jikkwota lil President tal-MHRA Tony Zahra li stqarr li għalkemm il-ftuħ parzjali tar-ristoranti huwa pass fid-direzzjoni t-tajba iżda għad hemm sezzjoni partikolari ta’ din l-industrija li n-negozju tagħhom huwa għall-filgħaxija biss. Rapport separat li jinsab fl-istess paġna jgħid li l-kompla jikber il-ġlied intern fil-PN wara li ftit jiem ilu ikkummenta l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fuq Facebook u fetaħ il-kanuni fuq id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

The Malta Independent

Il-ġurnal jilqagħna b’ritratt mill-isbaħ mill-kosta tal-Qrendi fejn mill-bogħod tidher koll Filfla. Il-ġurnal jirapporta li żvilupp ta’ blokka ta’ appartamenti fix-Xewkija qiegħdin jinbiegħu minkejja li l-permess mill-awtorità tal-ippjanar għadu ma ngħatax. Permezz ta’ rapport ieħor il-ġurnal jgħid li s-sena l-oħra l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistrata tnaqqis ta’ 76% fil-passiġieri kollha li għaddew mill-ajruport. Minkejja dan jingħad li jidher li hemm tendenzi pożittivi għall-din is-sena speċjalment għas-Sajf.

Times of Malta

Il-ġurnal jagħtina storja ritratt ta’ sottomarin li ntlemaħ fil-Port il-Kbir ilbierħa iżda li fil-fatt qed jintuża f’produzzjoni ċinematika dwar it-tieni gwerra dinjija. L-istorja ewlenija tal-ġurnal tgħid li skont sorsi, il-Pulizija qed jinvestigaw ‘ftehim għall-bejgħ ta’ proprjetà li Yorgen Fenech kien se jagħmel mas-Supretendent tal-Pulizija Ray Aquilina li fih allegatament kien hemm involut ukoll l-iżviluppatur Joseph Portelli. Il-ġurnal jgħid li kien hemm pjan biex appartament jinbiegħ lil ġenituri ta’ Aquilina għas-somma ta’ 60 elf ewro meta fil-fatt dan kien jiswa minn tal-anqas 180 elf ewro. Il-ġurnal jgħid li f’dan l-isfond il-Pulizija qed jissuspettaw każ ta’ tixħim u ħasil ta’ flus. Rapport separat jikkwota lil Ministru tal-Finanzi Michael Falzon li stqarr li l-kuntratt għall-bini l-ġdid ta’ San Vinċenz De Paul missu kellu l-approvazzjoni tal-kabinett.

In-Nazzjon

FIl-Faċċata ritratt tal-Kap tal-Oppożizzjoni waqt żjara f’ċentru tax-xiri fil-Mosta fejn ltaqa ma ħaddiema, min iħaddem kif ukoll nies li kienu qed jixtru.  Rapport relatat jgħidilna li l-PN irid sistema ta’ tassazzjoni aktar ġusta li ma tiddiskriminax mas-sidien tan-negozji Maltin. Rapport separat jgħid li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista sejjaħ għall-laqgħa urġenti tal-Eżekuttiv illejla fis-7 ta’ filgħaxija. In-Nazzjon jirapporta wkoll li l-partner ewlieni tal-kumpanija NexiaBt Brian Tonna iddefenda lil-eks ministru Konrad Mizzi dwar il-kumpaniji sigrieti fil-Panama waqt li l-bieraħ kompla jagħti x-xhieda quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi.