Current Affairs
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hi ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnal tal-lum, il-Ħadd 16 ta’ Mejju 2021.

 

Times of Malta

Fl-ewwel paġna l-ġurnal jilqagħna b’ritratt tad-dimostrazzjoni li saret f’Nantes fi Franza minn attivisti palestinjani b’rabta mal-konflitt li issa ilu għaddej ġimgħa bejn l-Iżrael u l-Palestinjani. F’rapport separat il-ġurnal The Times of Malta jikkwota sorsi tiegħu u jgħid li d-data tal-elezzjoni ġenerali li jmiss tiddependi mis-sitwazzjoni tal-covid. The Times of Malta jgħid li skont sorsi viċin il-Partit Laburista jidher li hija eskluża elezzjoni fis-Sajf. Ir-rapport ewlieni tal-ġurnal jgħid li l-Ministru Carmelo Abela jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni mill-Pulizija b’rabta mas-serqa bla suċċess li kienet saret fl-2010 fl-HSBC ta’ Hal Qormi.

It-Torċa

Permezz ta’ storja ritratt il-ġurnal jgħid li wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet in-negozju għaddej tajjeb f’Għawdex. Rapport ewlieni jgħid li aktar minn sena ta’ pandemija ħalliet kategoriji sħaħ ta’ ħaddiema jiffaċċjaw konsegwenzi marbuta mal-isfidi tal-ħajja u x-xogħol u f’dan l-isfond il-psikjatra Mark Xuereb iddikjara li qed issir ħidma biex tiġi ndirizzata dik li sejjaħ ‘kriżi’. Rapport ieħor jgħid li ZenPharm kiseb il-liċenzja Maltija biex tipproduċi l-kannabis mediċinali. B’ritratt separat it-Torċa tgħidilna li fl-attakki li għaddejjin f’Gaza inqatlet familja sħiħa.

The Malta Independent

   

Ir-ritratt li jagħtina fil-faċċata jittratta s-sitwazzjoni fil-linja nazzjonali tal-ajru fejn skont il-ġurnal l-ogħla managers tneħħilhom il-bonus tal-prestazzjoni. Bi storja umana The Malta Indewpendent tippreżenta fl-ewwel paġna intervista mad-direttur televiżiv Steven Dalli li qal kieku jingħata l-għażla ma jbiddel xejn f’ħajtu inkluż il-fatt li jbatu mit-‘Tourette Syndrome’. Storja separata, il-ġurnal jislet intervista mad-deputat indipendenti Marlene Farrugia fejn qalet minkejja li ppreżentat l-abbozz ta’ liġi sabiex l-abort jiġi dekriminalizzat hija xorta waħda tibqa’ favur il-ħajja.

MaltaToday

Il-ġurnal jagħtina storja waħda fil-faċċata li tkompli fil-paġni ta’ ġewwa. Fiha jingħad liu l-Pulizija qed jinvestigaw dikjarazzjonijiet li saru dwar il-Ministru Carmelo Abela li huwa kien involut fis-serqa fuq il-Bank HSBC 11 il-sena ilu. Il-ġurnal jgħid li l-investigazzjoni bdiet wara allegazzjonijiet li għamlu Vince Muscat il-Koħħu, Alfred Degiorgio u Jason Azzopardi.

Il-Kulħadd

L-ewwel paġna tal-ġurnal hi maqsuma fi tlieta. Rapport minnhom jgħid li skont stqarrija maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika matul april ġie ffrimat 54 konvenju ġdid kuljum. Rapport ieħor li jkompli f’paġna 6 jgħid li bħala parti mir-riforma għat-tisħiħ tal-Korp tal-Pulizija għada fil-Parlament se jiġi diskuss abbozz ta’ liġi b’emendi li jagħmlu possibbli li jittieħdu passi dixxiplinarji fil-konfront ta’ uffiċjali li jagħmlu użu mid-droga. L-istorja prinċipali titratta l-ħidma ta’ dwana u tgħid li dawn l-aħħar ħames snin kien rekord mid-dwana fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu.

Il-Mument

Permezz ta’ rapport fl-ewwel paġna il-mument tgħid li l-Kummissjoni Maltija tal-Films hi l-id moħbija wara l-kiri ta’ Każin Laburista. Storja separata tgħid li l-Pulizija kkonkludiet li m’hemm ebda każ x’jitressaq fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina. Tagħtina wkoll rapport dwar x’qed jiġri fil-lvant nofsani u l-avventura ta’ Destiny fil-Eurovision.

Illum

Il-gazzetta illum fl-ewwel paġna tirraporta li l-PN u l-PL jibqgħu ma jsibux qbil dwar il-ħatra tla-Ombudsman ġdid u li jeħtieġ li jingħata biż-żewġ terżi. Rapport ieħor l-ILLUM tirraporta li beda l-countdown għall-Destiny fil-Eurovision.