Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-ġurnali llum l-Erbgħa, 26′ Mejju 2021.

The Malta Independent

Fil-faċċata tal-ġurnal The Malta Independent insibu l-ewwel rappurtaġġ mill-Qorti li tgħid kif ilbieraħ ix-xhud tal-istat Melvin Theuma, li ngħata maħfra presidenzjali sabiex jikxef dak li jaf dwar il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, xehed li grupp ta’ mażuni kellhom iħallsu €100,000 sabiex ikunu parti mill-komplott biex tinqatel Caruana Galizia. Hu qal li dawn kellhom jgħaddu l-flus lil Vince Muscat il-Koħħu, bil-pjan iżda ma jimmaterjalizzax minħabba li l-Koħħu eventwalment kien arrestat. Intqal ukoll kif il-kuntatt bejn il-Koħħu u l-grupp tal-mażuni kien avukat promettenti f’Malta. Storja oħra fil-faċċata tal-istess ġurnal tikkwota l-Ministru għall-Kultura Jose Herrera jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkollu f’idu studju dwar it-tisqif tat-teatru l-imwaqqa fil-Belt Valletta. Qal li sar rapport tekniku dwar din il-kwistjoni, u li issa jonqos biss li l-konsultazzjoni tinfetaħ għall-pubbliku.

In-Nazzjon

Fl-ewwel paġna ta’ In-Nazzjon il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jiġi kkwotat jgħid li irid sistema li verament twassal għar-riforma tal-persuna. Dan meta kien qed jitkellem dwar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Qal li permezz tal-clusters tiegħu, il-PN qed jaħdem biex joħloq politika li tgħin biex il-faċilità korrettiva ta’ Kordin tkun waħda riformattiva, u sabiex meta l-persuna toħroġ mill-ħabs tkun kapaċi tintegra fis-soċjetà. Storja oħra f’dan il-ġurnal tgħid li l-Ministru Jose Herrera huwa bla pjan għall-ftuħ ta’ iktar attivitajiet u li farfar kollox fuq il-Ministeru tas-Saħħa. Jikkwotaw lill-Ministru jgħid li l-ftuħ mill-ġdid ifisser aktar tixrid tal-Covid, waqt li l-istess storja tgħid li n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern għas-settur artistiku ġab rabja kbira.

Malta Today

Il-ġurnal Malta Today fuq il-faċċata tiegħu ukoll jibda b’rappurtaġġ mill-Qorti, fejn bi stampa tax-xhud ewlieni fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, jirrapporta li fil-Qorti dan qal li grupp ta’ mażuni kellhom iħallsu €100,000 sabiex tinqatel il-ġurnalista. Fis-seduta ta’ ħames siegħat instemgħu iktar recordings bejn Melvin Theuma u Johann Cremona, li kien is-sieħeb ta’ Yorgen Fenech fin-negozju. Storja oħra titratta l-linja tal-ajru Nazzjonali, l-Air Malta, fejn qed jiġi rrappurtat li din mhux se ttir minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-Belarus, wara l-avvenimenti li seħħu fl-aħħar jiem, meta ajruplan tar-RyanAir ġie maħtuf wara li fuqu kien hemm ġurnalist li jopponi t-tmexxija tal-Belarus. Id-deċiżjoni tal-Air Malta tasal ukoll wara deċiżjoni kollettiva tal-mexxeja Ewropej nhar it-Tnejn li għadda.

Times of Malta

Fl-ewwel paġna ta’ Times of Malta wkoll nibdew b’dak li ġara lbieraħ fil-Qorti fejn ix-xhud tal-istat Melvin Theuma xehed li kien hemm grupp ta’ mażuni li kienu nvoluti fil-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia. It-Times tgħid li din kienet l-uniku biċċa informazzjoni ġdida li ħarġet mis-seduta tal-bieraħ, li Theuma xehed għall-maġġoranza tagħha, tant li lejn l-aħħar instema jgħid lill-Maġistrat li kien għajjien. Storja oħra tgħid li rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sab li l-konsumaturi setgħu ħallsu €6.5 miljun żewda fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma tagħhom. Ingħad li fir-rapport, li għadu mhux ippubblikat, l-Awditur Ġenerali addotta ton ta’ kawtela, iżda intqal kif 80% tal-kontijiet analizzati għandhom xi żball.

L-Orizzont

Il-ġurnal L-Orizzont fuq l-ewwel paġna jikkwota lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, fejn mistoqsija mill-istess ġurnal din qalet li Malta tinsab imħejjija għal kull eventwalità f’każ li jkun hemm bżonn xi doża oħra. Qalet li minħabba li l-vaċċin m’ilux wisq magħna bħalissa qed isiru studji xjentifiċi sabiex isir magħruf hemmx bżonn il-ħtieġa ta’ booster. L-Orizzont jirrapporta l-approvazzjoni tal-emendi fil-liġi tad-divorzju, fejn qal li wara l-karba tal-poplu l-erba’ snin ta’ stennija issa ġew imnaqqsa għal ftit xhur, u f’xi każi anke xejn.