Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

 

The Malta Independent

Il-ġurnal jagħtina ritratt mill-isbaħ mill-ajru tal-gżira ta’ Kemmuna, b’kumment li issa li beda l-istaġun tas-Sajf u għadd ta’ turisti mbassra jerġgħu iżuru din il-gżira.

Storja oħra dwar it-turiżmu tgħid li s-sidien ta’ ristoranti Għawdxin huma ottimisti għall-istaġun Sajfi hekk kif jidher li wara s-sofferenza tal-pandemija, is-Sajf se jpatti għat-telf li sofrew minnu fix-xhur li għaddew.

Rapport ieħor fuq il-faċċata jgħid li l-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li l-prostituzzjoni m’għandhiex tiġi legalizzata.  Dan ħareġ minn stħarriġ ikkummissjonat mill-Malta Women’s Lobby li lbieraħ għamlu konferenza tal-aħbarijiet biex jippreżentaw ir-riżultati.  L-istħarriġ wera wkoll li l-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li l-prostituzzjoni mhux xogħol normali u li jwassal għal żieda fil-vjolenza sesswali.

 

The Times

Fuq il-faċċata l-ġurnal jagħtina ritratt ta’ mara titlob għall-ġustizzja għall-Bożnija quddiem it-tribunal ta’ The Hague wara li l-imħallfin ilbieraħ ikkonfermaw il-ħtija tal-ex kap kmandant militari tal-Bożnija Ratko Mladic għall-ġenoċidju ta’ Srebrenica fl-1995 fejn kienu nqatlu mat-tmint elef Musulman, fosthom ukoll tfal.

Storja oħra tgħid li Malta qed tippjana li takkwista t-tieni interconnector mal-gżira ta’ Sqallija għas-sena 2025,  wara li l-kabinett approva l-proġett.  Dan tħabbar mill-Ministru għall-enerġija Miriam Dalli.  Il-cable ta’ 200 megawatt mistenni li jiswa lill-pajjiż €170 miljun.

Rapport ieħor jgħid li wara li l-aħwa Degiorgio, akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kitbu lil Brussell dwar allegati reati li allegatament jinvolvu lill-ex Ministru Chris Cardona u lill-Ministru Carmelo Abela, ir-risposta kienet li dawn għandhom jgħaddu l-informazzjoni li għandhom lill-Europol, filwaqt li spjegaw li l-Kummissjoni Ewropea m’għandha ebda setgħa li tintervjeni.

 

Maltatoday

Fuq il-faċċata rapport dwar il-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech fejn Vincent Muscat il-Koħħu qal lill-Qorti li hu flimkien ma’ Alfred Degiorgi kienu jgħassu l-moviment tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.  Huwa qal li l-pjan tagħhom kien li Daphne tinqatel b’tiri ta’ arma tan-nar f’Awissu tal-2017 iżda mbagħad l-pjani nbidlu fl-aħħar minuta.

Storja oħra dwar il-pjan tat-tieni interconnector ma’ Sqallija fl-2025.

 

In-Nazzjon

Fuq il-faċċata storja li tgħid li skont konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista, dawn qalu li Gvern Nazzjonalista irid jagħmel ġustizzja ma’ kulħadd fosthom man-negozji ż-żgħar mingħajr ma jitgħabbew in-negozji l-kbar.  Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li ġie indirizzata fost l-oħrajn mill-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius, qal li l-partit nazzjonalista irid li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma biex issir ġustizzja wkoll man-negozji ż-żgħar.

Storja oħra b’ritratt tal-Ministru għall-ekonomija Silvio Schembri fejn meta kien mistoqsi dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, huwa wieġeb li l-affarijiet jarahom u jiddeċidihom il-Gvern.  Fir-rapport intqal li l-Ministru Schembri iddefenda l-aġir tal-Gvern Laburista dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Storja oħra tgħid li l-Gvern qed jikkopja l-proposta tal-Partit Nazzjonalista meta lbieraħ tħabbar il-pjan tat-tieni interconnector ma’ Sqallija fl-2025.

 

L-Orizzont

Fuq il-faċċata l-istorja dwar it-tieni interconnector għal pajjiżna.

Storja oħra b’ritratt li titratta l-qabda ta’ 740 kilo kokaina fil-Port Ħieles ta’ Malta. Kontejner kif kih il fuq minn elf kaxxa tal-banana u meta infetaħ kien hemm 740 pakkett moħbija fil-kaxex.

Rapport ieħor dwar l-istħarriġ tal-Malta Women’s Lobby fejn instab li tlett kwarti tal-Maltin jemmnu li l-prostituzzjoni tista’ twassal għal iktar kriminalitá.

Rapport mill-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fench fejn Vincent Muscat il-Koħħu lbieraħ qal li lil Daphne Caruana Galizia ma riedux li jweġġgħuha iżda li jeliminawha.