Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

L-għodwa t-tajba, din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali għal-lum il-Ġimgħa, it-23 ta’ Lulju, 2021.

Times of Malta

Fuq il-faċċata ta’ Times of Malta insibu l-istorja prinċipali li tgħid kif is-Supretendent tal-Wirt Kulturali ta’ Malta waqqaf xogħolijiet ta’ toroq li kienu qed isiru qrib l-Akwedot ta’ Wignacourt f’Ħal Balzan, minħabba biża li ssir ħsara lill-istruttura ta’ iktar minn 400 sena. Ix-xogħol kien jinvolvi l-użu ta’ makkinarju kbir, u kien qed isir minn Infrastructre Malta. Skont il-ġurnal jidher li x-xogħolijiet twaqqfu wara li r-residenti ressqu lment, b’dan iwassal lis-Supretendent tal-Wirt Kulturali jgħid li se tkun qed tiġi analizzata u studjata is-sitwazzjoni qabel jitħallew isiru tali xogħolijiet. Storja oħra tgħid kif it-tilqima tal-Johnson and Johnson qed tiġi rifjutata f’ajruporti barra minn Malta. Il-ġurnal jirrapporta kif persuni li ħadu din it-tilqima għal kontra l-Covid f’Malta, qed ikollhom problema jużaw iċ-ċertifikat tat-tilqim Ewropew f’pajjiżi oħrajn, u li f’pajjiżi bħal Franza, il-Belġju, l-Iżvizzera, u l-Lussemburgu, iċ-ċertifikat tagħhom qed jimmarka bħala invalidu. Dan b’differenza għal dawk il-persuni li ħadu tilqimiet oħra bħal Pfizer, Astra Zeneca, u Moderna.

L-Orizzont

Il-ġurnal L-Orizzont jirrapporta fl-ewwel paġna kif il-Fond Monetarju Internazzjonali ta vot ieħor ta’ fiduċja fl-ekonomija Maltija. Il-ġurnal jikkwota lill-Prim Ministru Robert Abela jgħid kif dan huwa pass ‘l quddiem għal Malta u kif l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tibqa’ stabbli minkejja l-pandemija li laqtet lid-dinja kollha. Fit-tbassir tiegħu, l-IMF qal li din is-sena l-ekonomija Maltija tikber b’5.7 fil-mija filwaqt li s-sena d-dieħla tmiss is-6 fil-mija. L-esperti tal-IMF sostnew li bil-miżuri li ttieħdu s-sena li għaddiet fosthom bl-introduzzjoni tal-wage supplement kienu evitati t-tkeċċijiet tal-ħaddiema, u l-falliment ta’ negozji u intrapriżi. Storja oħra fl-istess faċċata titratta l-vouchers tal-Gvern li tqassmu sabiex jagħtu palata lin-negozji, fejn L-Orizzont irrapporta kif sa’ issa ġew injettati fl-ekonomija Maltija €16-il miljun, f’perjodu ta’ ftit aktar minn xahar u nofs.

The Malta Independent

Fl-ewwel paġna ta’ The Malta Independent insibu rapurtaġġ mingħand l-Associated Press dwar l-Olimpjadi li mistennija jibdew illum. Il-ġurnal jirrapporta kif il-każi ta’ Covid fil-kamp tal-Olimpjadi, li issa jidher li sparaw ‘l fuq, qed iqajmu paniku u konfużjoni. Dan hekk kif sal-bieraħ il-każijiet telgħu minn 12 għal 87. Il-ġurnal jikkwota wkoll lill-ispeċjalista Amerikan Anthony Fauci li qal li t-tilqima qed taħdem, hekk kif minkejja l-każijiet għadhom għoljin, ferm inqas persuni qed jiddaħħlu l-isptar, u ħafna inqas qed jitilfu ħajjithom. Il-ġurnal fi storja oħra fil-faċċata jitkellem dwar il-vouchers li qassam il-Gvern, fejn jgħid li fis-sitt ġimgħat mill-bidu ta’ din l-iskema, iktar minn €16-il miljun intefqu fl-ekonomija Maltija sa’ issa.

In-Nazzjon

Il-ġurnal in-Nazzjon jirrapporta laqgħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fejn ġie kkwotat jgħid li l-PN qed jaħdem sabiex isaħħaħ ir-raba’ pilastru tad-demokrazija Maltija. Qal li l-PN qed jaħdem fuq proposti konkreti sabiex ikun assigurat li l-midja f’Malta tiġi msaħħa. Hu faħħar il-ħidma tal-ġurnalisti fejn saħaq li dan l-irwol importanti jistħoqqlu aktar rispett. Storja oħra fil-faċċata ta’ In-Nazzjon tikkwota lill-Ministru Silvio Schembri jgħid li r-riżultati dwar il-Covid qed jidru, u li s-sitwazzjoni din is-sena mhix bħas-sena li għaddiet. Storja oħra tgħid li Maltin li nqabdu barra minn Malta bdew proċess għad-danni kontra l-Gvern, wara li nqabdu barra mill-pajjiż hekk kif inbidlu r-regoli tal-Covid-19.