Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

L-għodwa t-tajba din hija ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali għal-lum it-Tnejn, it-2 t’Awwissu, 2021.

Times of Malta

Fl-ewwel paġna tat-Times of Malta insibu storja li tgħid li informazzjoni dwar ċittadini Maltin li għandhom kontijiet bankarji f’Dubaj, ingħatat lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta. Il-ġurnal jirrapporta li t-taqsima tar-reati finanzjarji u l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom f’idhom informazzjoni dwar madward 20 persuna. Din l-informazzjoni, li qed tissejjaħ ‘Dubai list’ waslet mingħand il-Ġermanja, wara talba mill-awtoritajiet Maltin. Storja oħra fuq il-faċċata tat-Times tgħid kif il-miżuri ġodda li daħlu fis-seħħ f’dak li huwa vjaġġar lejn pajjiżna, iġifieri li wieħed irid ikun imlaqqam biż-żewġ dożi tal-vaċċin, wassal għal telf ta’ iktar minn €12-il miljun għall-ekonomija Maltija. Dan wara li bosta persuni kkanċellaw it-titjiriet tagħhom lejn Malta minħabba li ma kienux eleġibbli sabiex jidħlu fil-pajjiż.

L-Orizzont

Fuq il-faċċata tal-ġurnal L-Orizzont insibu rappurtaġġ dwar id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela fejn jgħid li se nkunu qed nidħlu għal din l-isfida b’responsabilità u b’sens ta’ għaqda nazzjonali. Il-Prim Ministru qal dan waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio il-Ħadd filgħodu, u kien qed jitratta s-suġġett tar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-Orizzont tgħid li matul il-kollegament, il-Prim Ministru tkellem fit-tul dwar is-suġġett u dwar x’se jkun il-pass li jmiss għal pajjiżna. Storja oħra fuq il-faċċata tal-istess ġurnal titratta l-Covid-19, fejn il-ġurnal jikkwota raġel li qabel miet bil-virus qal lil uliedu u lil martu li jiddispjaċieh li ma ħax it-tilqima. Martu, li tkellmet ma’ ġurnali tal-Istati Uniti, ġiet ikkwotata tgħid illi għandhom dispjaċir li kienu se jistennew sena qabel ma jitlaqqmu sabiex jaraw x’kienu l-effetti tat-tilqima. Il-mara, li r-raġel tagħha miet ta’ 39 sena, qalet li l-Covid tista’ tolqtok, ikollok kemm ikollok età.

The Malta Independent

Il-ġurnal The Malta Independent fuq il-faċċata tiegħu naraw appell ta’ persuna, li qed titlob l-għajnuna tal-pubbliku sabiex jinstab Salib Militari tal-bużnannu tagħha, li fi kliemha intilef waqt li kienu fi triqithom lejn il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra l-ġimgħa li għaddiet. Francesca Gatt kitbet fuq il-midja soċjali li fittxew bosta postijiet, iżda b’dispjaċir dan għadu ma nstabx. Buż-nannuha, Alfred Gatt, kien ingħata s-salib għall-azzjonijiet eroijiċi li għamel f’Gallipoli matul l-ewwel gwerra dinjija, fl-1916, tant li ġie promoss għall-brigadier u mexxa r-Royal Malta Artillery matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Storja oħra fuq l-Independent tgħid kif għal kull siġra li qalgħet Infrastructre Malta, ġew imħawwla 28 siġra oħra.

In-Nazzjon

In-Nazzjon jitratta fuq l-ewwel paġna tiegħu dak li seħħ il-Ħadd fil-każ tal-Ministru Edward Zammit Lewis, u tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, se jitlob sabiex il-Parlament jitlaqqa b’urġenza sabiex jiddiskuti mozzjoni ta’ sfiduċja fil-każ tal-istess Ministru. Dan wara li s-Sunday Times of Malta rrappurtat storja li fiha intqal li l-Ministru bagħat messaġġi lin-negozjant Yorgen Fenech dwar il-kumpanija 17 Black. Storja oħra fuq in-Nazzjon tikkwota lill-preżentatur Mark Lawrence Zammit, li l-Ħadd filgħodu ħabbar li mhux se jibqa’ jippreżenta l-programm tiegħu ta’ nhar t’Erbgħa fuq ix-xandir nazzjonali, minħabba li fi kliemu ma setax jibqa’ jaħdem b’indħil mill-PBS. Qal li issa se jkun qed jaħdem mal-ġurnal The Times, li fi kliemu huwa ġurnal indipendeti b’rispett lejn il-ġurnaliżmu investigattiv. Storja oħra tikkwota stqarrija tal-Partit Nazzjonalista li tgħid li l-Prim Ministru Robert Abela qed ikompli joħnoq il-ġurnaliżmu f’Malta. Il-PN qal li l-ewwel ħelsu minn Daphne Caruana Galizia, imbagħad tneħħa l-programm Xarabank, u issa se jkun qed jitneħħa l-programm l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa.