Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hi ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnal tal-lum, l-Erbgħa 4 ta’ Awissu 2021.

L-Orizzont

Fl-edizzjoni tal-lum l-Orizzont tippreżenta fl-ewwel paġna rapport li jgħid li l-awtoritajiet tas-saħħa għaddejjin bil-preparamenti finali sabiex tibda tingħata l-booster tat-tilqima. Skont l-Orizzont li jikkwota sorsi mill-Gvern il-booster se tibda tingħata fi ftit ġimgħat oħra għall-dawk il-gruppi ta’ persuni b’nuqqas ta’ immunità. Storja oħra fl-ewwel paġna jikkwota s-sentenza tat-tribunal industrijali dwar il-każ li kien qajjem l-eks Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Marcus Klaushofer dwar tkeċċija inġusta. Fil-każ ġie spjegat li l-MIA fl-2014 kellha informazzjoni li l-eks kap eżekuttiv kien qed jgħaddi informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali lil terzi li kellhom interess fl-ishma tal-MIA. It-tribunal ikkonferma tkeċċija ġusta.

The Malta Independent

Fl-ewwel paġna l-ġurnal jagħtina ritratt mill-Olimpjadi fejn ilbieraħ Karsten Warholm li qed jirrapreżenta n-Norveġja kiser ir-rekord mondjali u rebaħ il-midjala tad-deheb f’dak li qed ikun meqjus bħala wieħed mill-mumenti prinċipali tal-Olimpjadi. Il-ġurnal b’rapport separat isemmi kif l-Assistent Kummissarju Ian AbdilĦarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lumla jinsab sospiż mill-Korp tal-Pulizija skont regolamenti dixxiplinarji tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku sakemm isiru l-investigazzjonijiet. B’rapport ieħor The Malta Independent jikkwota lil Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo jgħid li l-Gvern qed iħares lejn turiżmu tal-kwalità u sostenibbli.

Times of Malta

Il-ġurnal fl-ewwel paġna wkoll jagħtina ritratt mill-Olipmjadi ta’ Karsten Warholm li rebaħ id-deheb u kiser rekord dinji fil-400m hurdles final. Il-ġurnal b’rapport ukoll dwar is-sospensjoni tal-Assistent Kummissarju Ian Abdilla li ġie sospiż mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. B’storja oħra fl-ewwel paġna l-ġurnal jgħid li waħda miż-żewġ ommijiet li qed jiskontaw sentenza ta’ sitt xhur ħabs li qajjmet kontroversja minħabba li sfaw separati minn uliedhom qalet mal-ġurnal li l-familja tinsab kompletament mkissra.

MaltaToday

Il-gazzetta MaltaToday tirrapporta fl-ewwel paġna li aktar minn 30% ta’ dawk bejn 12 u 15-il sena huma kompletament mlaqqma. Il-ġurnal jikkwota figuri tal-Ministeru tas-Saħħa li juru kif 5,803 tifel u tifla bejn 12 u 15 il-sena aċċettaw l-istedina għall-appuntament tat-tilqima. il-Ministeru qal li minn 16,200 stedina kważi ħdax il-elf s’issa aċċettaw. Fl-istess paġna l-gazzetta tirrapporta li l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti ċaħad li tinstema’ b’urġenza l-mozzjoni ta’ sfiduċja mressqa mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-Ministru tal-Ġustizzja. Permezz ta’ żewġ rapporti oħra l-ġurnal jitkellem dwar is-sospensjoni tal-assistent kummissarju Ian Abdilla mill-korp tal-Pulizija u separatament dwar żvilupp propost f’żona ta’ importanza ekoloġika fil-Mellieħa.

In-Nazzjon

Il-ġurnal b’rapport fl-ewwel paġna jgħid li l-Prim Ministru Robert Abela falla l-ewwel test tal-goverenzna wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta pubblika għaliex skont il-Partit Nazzjonali ma kienx kapaċi jagħraf li Edward Zammit Lewis m’għandux jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Gvern. F’rapport separat il-ġurnal jagħmel referenza għall-reazzjonijiet pożittivi fost l-Għawdxin għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista preżentati nhar it-Tnejn illi għadda. Il-ġurnal jirrapporta wkoll dwar is-sospensjoni tal-Assistent Kummissarju Ian Abdilla mill-Korp tal-Pulizija