Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

The Malta Independent
L-istorja ewlenija f’The Malta Independent titratta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, f’għeluq ir-raba’ anniversarju mill-mewt tagħha. F’laqgħa li seħħet ġewwa l-Belt, Orsetta Spinola, membru tas-Civil Hub Against Organised Crime, li tidher ukoll fir-ritratt fil-ġenb tal-gazzetta, qalet li l-qattiela l-proprja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għadhom ħielsa.

L-istess paġna tirrapporta dak li ħabbar id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li minn nhar it-Tnejn, ir-restrizzjonijiet għal dawk li huma vvaċċinati biż-żewġ dożi, se jitnaqqsu.

Fost oħrajn, in-numru ta’ persuni li jistgħu jpoġġu fuq mejda se jitla’ għal tmienja u d-distanza bejn l-imwejjed se tonqos minn żewġ metri għal metru fuq barra, u minn żewġ metri għal metru u nofs fuq ġewwa.

Times of Malta

Ir-rilaxx ta’ restrizzjonijiet trattatu wkoll il-gazzetta Times of Malta u kitbet li dawn il-miżuri se jagħmluha iktar faċli għal kull min irid jorganizza
avveniment.

Iżda l-istorja ewlenija li ħadet kważi l-paġna kollha kienet dik ta’ Antoine Vella li żamm 45 kelb id-dar tiegħu fi stat ta’ abbandun. Uffiċjali tal-pulizija u tal-animal welfare ħarġu minn daru f’Birżebbuġa, jumejn wara li nstab ħati ta’ trattament ħażin tal-annimali. Uffiċjali qalu kif il-klieb instabu fi stat ta’ ħmieġ kbir, uħud miżmuma f’gaġeġ żgħar, u oħrajn magħluqin fil-gwardarobbi. Bosta annimali kellhom jittieħdu fl-isptar tal-annimali għall-kura.

L-Orizzont

Il-ġurnal L-Orizzont jirrapporta fuq l-ewwel paġna tiegħu dwar is-sentenza li ngħatat fil-Qorti ta’ Napli fil-konfront ta’ kaptan Taljan li wara li salva lill-immigranti, bagħathom lura l-Libja.

U fl-istess paġna, l-aħbar li ta d-Deputut Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, waqt konferenza mid-Dipartiment tac-CPSU, li mas-60,000 pazjent se jkunu qed igawdu mill-introduzzjoni ta’ iktar mediċini bla ħlas. Huwa qal li pajjiżna huwa rikonoxxut għall-aqwa servizzi tas-saħħa, anke minn pajjiżi barranin. Ħabbar li s-sena li għaddiet l-ispiża rikorrenti għad-dipartiment tas-saħħa kienet ta’ €735 miljun, filwaqt li din is-sena se titla għal €897 miljun.

In-Nazzjon

Il-gazzetta In-Nazzjon tirrapporta l-messaġġ li wassal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dwar politika li ssaħħaħ il-qasam tat-turiżmu. Hu saħaq li pajjiżna jeħtieġ jiżviluppa politika sostenibbli, li ma tkunx ibbażata biss fuq in-numri, iżda fuq sforzi li jiżviluppaw niċeċ ta’ valur ogħla.

Fl-istess paġna jidher ritratt tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-Viċi Kap David Agius u s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, barra l-bini tal-Awtorità tax-Xandir. Ir-ritratt ittieħed ilbieraħ wara laqgħa li sejjaħ Dr Grech maċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir Frank Farrugia biex jiddiskuti dak li sejjaħ bħala ksur ta’ imparzjalità mill-istazzjon nazzjonali. Fi tmiem il-laqgħa, Dr Grech qal lill-ġurnalisti li ppreżenta l-fatti dwar l-iżbilanċ li qal huwa sfaċċat fil-PBS u sostna li l-Awtorità tax-Xandir hija obbligata li tiżgura li l-PBS ikun bilanċjat. Il-Kap Nazzjonalista sostna li l-poplu Malti jixraqlu jisma’ l-verità kollha u jkollu dritt għall-informazzjoni. Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jieħu kull azzjoni meħtieġa f’dan ir-rigward.