Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Times of Malta

L-ewwel artiklu fuq it-Times dwar taxxa li qegħda tiġi ssuġġerita mill-Parlament Ewropew fuq l-‘hekk imsejħa ‘golden passports,’ dan biex b’hekk forsi jibdew jiġu indirizzati d-domandi dwar il-kontroversja li ilha tqajjEm l-iskema taċ-ċittadinanza. Naqraw kif Malta ġġenerat madwar 1.5 miljun ewro mindu ġiet fis-seħħ fl-2014. L-artiklu jgħid illi l-ħsieb hu li t-taxxa tkun ta’ madwar 15 fil-mija fuq id-dħul annwali minn fuq il-passaporti.

Fuq il-faċċata wkoll artiklu dwar iċ-ċitazzjonijiet li ngħataw mill-ERA bejn l-2019 u Settembru ta’ din is-sena, b’275,000 ewro jmorru għal tqaċċit illegali ta’ siġar, bis-subgħajn jippuntaw lejn il-gvern.

Ritratt fuq l-ewwel paġna jurina banner bl-ex prim ministru Joseph Muscat, il-prim ministru attwali Robert Abela, l-ex ministru Konrad Mizzi, u l-Kummisarju Gafà, bir-Repubblika li se jkunu qegħdin quddiem il-kwartieri tad-Depot għal 72 siegħa għar-raġuni li, skond huma, il-pulizija baqgħet ma ħaditx azzjoni dwar l-ex Ministru Konrad Mizzi.

L-Orizzont

Ritratt li naraw fuq il- faċċata tal-Orrizont bit-titlu li l-OHSA twaqqaf ix-xogħol f’478 post tax-xogħol – l-artiklu li jkompli fuq il-paġni ta’ ġewwa jgħid li min 3,724 spezzjoni li twaqqfu minn Jannar din is-sena, l-awtorità dwar is-saħħa u s-sigurtà waqqfet 478 post, filwaqt li ħarġet 689 multa.

Fuq il-faċċata wkoll naqraw dwar il-pjani ġodda b’rabta mal-covid-19, u kif qegħda tissemma r-raba’ doża f’pajjiżna, bħal ma qegħda tissemma f’pajjiżi oħra. Marbut mal-covid-19 ukoll artiklu li jgħid illi ġewwa r-Rumanija qegħda tmut persuna kull ħames minuti. L-artiklu jgħid illi s-sitwazzjoni hija allarmanti bil-każijiet jeskalaw, bl-akbar rata ta’ mwiet fid-dinja bħalissa.

The Malta Independent

Fuq il-faċċata naraw rapport tal-KSU, fejn qed jingħad illi 80 fil-mija mill-istudenti universitarji jippreferu eżamijiet online u li jkollhom aċċess għall-kotba waqt l-eżami. Dan l-istħarriġ ifforma parti min strateġija wara l-covid li tat ħarsa lejn modi ġodda li ġabet magħha l-pandemija stess.

Ritatt fuq l-Independent jurina mappa tad-dinja li teħodna lura 320 sena li se tkun għall-wiri fil-mużew t’Għawdex u hija meqjusa bħala waħda mill-akbar attrazzjonijiet li għandu l-mużew.

MaltaToday

Fl-ewwel paġna tal-MaltaToday, aħbar li għandha sserraħ moħħ ħafna li diġà qed jinkwetaw, fejn naqraw li l-uffiċċju metereoloġiku jgħid li għad m’hemmx bżonn ta’ allarm fejn jidħol urugan, dan minħabba li wara li Sqallija ntlaqtet b’urugan rari is-Sibt u l-Ħadd li għaddew, inkluż għarar. F’Malta mistenni temp b’ħafna riħ, xita u rgħad matul il-ġurnata tal-lum bir-riħ forza 7.

Fl-ewwel paġna naqraw ukoll dwar l-ex Ministru Konrad Mizzi u l-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista mill-Public Accounts Committee li għadhom jirrifjutaw li jikkundannaw il-fatt li s-Sur Mizzi ma telax jixhed għal diversi drabi.

In-Nazzjon

Fl-ewwel paġna tan-Nazzjon naqraw kif Gvern Nazzjonalista ġdid ipoġġi l-anzjani ‘l fuq fl-aġenda hekk kif iwiegħed illi jpoġġi lill-anzjani u lil pensjonanti fiċ-ċentru billi jirrevedi kif tinħadem il-COLA sabiex ikunu jistgħu jirċievu id-doppju tal-lum.

Fuq il-faċċata wkoll naqraw kif il-gvern qed jibqa’ ma jikkundannax l-aġir tal-ex Ministru Konrad Mizzi dwar il-fatt li ma marx jixhed quddiem il-Public Accounts Committtee dwar il-power station tal-Electrogas. Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal illi Konrad Mizzi qed jonqos mir-responsabbiltajiet u qed jinsulta il-PAC.

Fuq il-faċċata wkoll naqraw dwar dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li qed jgħid illi filwaqt li l-Prim Ministru qed jappella mal-Unjoni Ewropea sabiex ma jogħlewx il-prezzijiet, qed iħalli jseħħ dak li ddeskriva bħala serq fil-kontijiet hawn Malta.