Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

In-Nazzjon

L-istudenti tal-Università u tal-Junior College ikomplu jistennew b’ansjetà meta n-negozjati bejn il-Gvern u l-UMASA għadhom staġnati.

Storja ritratt dwar studenti bid-dyslexia li qasmu l-esperjenzi mimlija sfidi li jgħaddu minnhom minħabba l-kundizzjoni tagħhom f’laqgħa li kellhom mal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali.

Is-salarju ta’ mart il-Ministru Konrad Mizzi Sai – In-Nazzjon bl-istorja li għandha t-titlu “Jigdeb bħall-mara tal-ministru” b’referenza għall-pożizzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-kwistjoni.

Is-sitwazzjoni fil-Libja – il-Partit Nazzjonalista jressaq mozzjoni biex ikunu diskussi b’urġenza r-relazzjonijiet diplomatici bejn Malta u l-Libja.

Mill-Qorti – Priġunier li qed iservi sentenza ta’ 30 sena ħabs fuq il-qtil ta’ messaġġier tal-Bank of Valletta li seħħ 14-il sena ilu f’San Ġwann qal fil-qorti li huwa jinsab il-ħabs għalxejn u li dakinhar tad-delitt huwa kien sewwieq u ma jafx x’seħħ.

The Times

Illum bl-istorja ewlenija dwar il-ħatra ta’ Wenzu Mintoff illum bħala imħallef. Mintoff huwa l-eks-editur tal-ġurnal Kulħadd. L-aħbar kienet ikkonfermata mill-Gvern wara deċiżjoni tal-Kabinett u l-ġurnal The Times jirrapporta li qanqlet bosta reazzjonijiet.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella f’konferenza tal-aħbarijiet jgħid li m’hemmx ħtieġa li l-Maltin ikunu evakwati mill-Libja. Il-Gvern qed jopera ċentru ta’ kriżi wara li l-ajruport ta’ Tripli kien attakkat għat-tieni darba u ngħalaq l-aċċess għat-traffiku avjatiku.

lorizzont

Diskuss fi Brussel il-portafoll ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew – il-ġurnal jirrapporta li hemm konverġenza fil-ħsieb bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u Jean Claude Juncker li huwa l-President l-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni hija magħmula minn 27 Kummissarju li jkunu ġejjin minn kull stat membru tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella dwar is-sitwazzjoni fil-Libja – jiddikjara li xejn ma hi sabiħa. Dr Vella f’konferenza tal-aħbarijiet jgħid li m’hemmx lok għal paniku żejjed għaliex mhix drammatika iżda waħda li tirrikjedi monitoraġġ kontinwu.

Il-Ministru Konrad Mizzi jiddikjara li l-futur huwa pożittiv għall-Enemalta.

The Malta Independent

Is-sitwazzjoni fil-Libja – il-Virtu Ferries u l-kumpanija tal-ajru Medavia jinsabu fi stat ta’ “stand by” lesti biex jintervjenu f’operazzjonijiet ta’ evakwazzjoni fil-Libja.

Id-deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit Laburista Toni Abela jassigura lill-ħaddiema tal-Enemalta li l-kundizzjonijiet fl-impjiegi tagħhom mhux se jkunu mittiefsa fil-proċess ta’ privatizzazzjoni li se tgħaddi minnnu l-kumpanija. Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-aġir tas-segretarju ġenerali tal-GWU Tony Zarb dwar il-kwisjoni.

The Malta Business Weekly

Il-kummerċ fil-Libja – fil-preżent inċert minħabba s-sitwazzjoni kaotika li qed tiżviluppa fi Tripli. Il-ministru tal-affarijiet barranin George Vella jikkonferma li l-maġġoranza tal-264 ċittadin Malti li jaħdmu fi Tripli jinsabu f’kuntatt mal-ambaxxata.

Is-settur tal-Gaming – Żviluppi diskussi waqt laqgħa informali bejn ic-Chairman tal-Awtorita tal-Gaming Joseph Cuschieri u s-Segretarju Parlamentari Jose Herrera.