Ġurnali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Din hi ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum.

L-Orizzont

Rapport fl-ewwel paġna tal-ġurnal l-Orizzont jgħid li d-Dar tal-Providenza qed tappella għall-għajnuna tal-pubbliku biex jgħinha f’mument fejn tinsab iffaċċjata minn żewġ sfidi kbar. L-ewwel sfida hija ta’ dik finanzjarja fejn minħabba l-Covid-19 mhux biss żdidulha l-ispejjeż imma anke naqset mid-dħul tagħha speċjalment issa li l-maratona tal-volleyball li kell ha ssir din il-ġimgħa mhux se ssir. Matul l-edizzjoni tas-sena li għaddiet din il-maratona għenet lid-Dar tal-Providenza tiġbor €750,000. It-tieni sfida li għaddejja minnha  tikkonċerna saħħet id-Direttur tagħha, Fr Martin Micallef, li se jkun indispost għall-kumplament tas-sena minħabba li qed jiffaċċja l-marda tal-kanċer. Rapport ieħor fil-faċċata jikkowta lil Kummissarju Ewropew għal Ugwaljanza, Helena Dalli tgħid li jeżisti razziżmu strutturali fil-Kummissjoni Ewropea.

The Malta Independent.

Fl-ewwel paġna tal-ġurnal insibu storja li tgħid li għaddejjin diskussjonijiet diplomatiċi bejn Malta u r-Renju Unit sabiex Malta tkun inkluża fil-lista l-ħadra tal-ivjaġġar u b’hekk ċittadini Ingliżi li jżuru Malta jkunu esklużi milli jagħmlu l-perjodu ta’ ġimgħatejn kwarantina meta jirritornaw lura l-Ingilterra. Rapport ieħor fl-ewwel paġna tal-ġurnal jgħid li xuffiera  mqabda mill-Gvern biex jaħdmu fl-iskema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti ma kienux qed jirċievu l-paga kollha waqt ix-xhur tal-pandemija.  Il-ġurnal jgħid li x-xuffiera qablu mal-Gvern dwar tnaqqis fil-paga fix-xhur li l-iskejjel kienu magħluqa minħabba l-pandemija. 

In-Nazzjon.

Fl-ewwel paġna tal-ġurnal in-Nazzjon insibu rapport wieħed dwar l-intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ilbieraħ fuq l-istazzjon tal-partit, NET TV,  fejn fost oħrajn tkellem dwar il-proċess ta’ tiġdid fil-Partit Nazzjonalista. Ir-rapport jgħid li Dr Delia tkellem dwar l-impatt negattiv tal-iskandli li qed jiġru f’pajjiżna fuq l-ekonomija u s-soċjeta inġenerali. Il-ġurnal jgħid li  Dr Delia qed jisħaq li din il-ħidma interna li qed issir fil-Partit Nazzjonalista qed tħejji biex il-Partit ikun gvern alternattiv, denju, għall-gżwejjer Maltin.

The Times of Malta.

Storja fl-ewwel paġna tal-ġurnal tgħid li l-gvern Malti qiegħed jipprova jikseb estensjoni ta’ 6 xhur fuq l-eżami tal-Moneyval, bl-għan li jkun hemm aktar ħin sabiex jiġi żgurat li s-sistemi ta’ Malta kontra l-ħasil ta’ flus huma effetivi. Il-ġurnal the Times of Malta jgħid li din il-proposta ġiet diskussa waqt laqgħat speċjali li l-Gvern qiegħed jagħmel ma’ persuni esperti fl-industrija. Jingħad li Malta għandha sa Ottobru li ġej sabiex tindirizza n-nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus inkella tista’ titniżżel fuq il-lista l-griża tal-pajjiżi li għandhom riskju għoli ta’ kriminalità finanzjarja. Rapport ieħor fl-ewwel paġna jgħid li s-Supretedent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, qalet mal-ġurnal li l-miżuri ta’ mitigazzjoni fosthom id-distanza soċjali, l-użu ta’ ‘hand sanitisers’ u l-użu tal-maskri se jibqgħu fis-seħħ ġaladarba, l-ordni tal-emerġenza medika tkun irtirata illejla. 

 

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia saħaq dwar l-importanza li Malta tkompli tipperswadi biex tingħata l-ikbar għajnuna finanzjarja possibbli mill-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-fatt li l-ekonomija Maltija hija bbażata fuq…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li se ssir bħal-lum ġimgħa. Fost it-temi fuq l-aġenda hemm imniżżla l-punti, ‘Qagħda Politika’ u ‘Azzjoni Konkreta’. Intant, TVM jinsab infurmat…

Ambjent

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ippospona d-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għall-bini ta’ supermarket tal-Lidl fi Triq Ħ’Attard Ħaż-Żebbuġ li huwa ppjanat li jsir fuq medda art ta’ 2,200 metru kwadru flimkien ma’ parkeġġ…

Aktar