Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ngħaddu issa biex nagħtu ħarsa lejn l-istejjer li nsibu fil-ġurnali tal-lum l-Erbgħa, 14 ta’ Frar:

The Malta Independent jirrapporta li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar għada mistenni jiddeċiedi dwar it-tiġdid ta’ applikazzjoni għar-rilokazzjoni ta’ pompa tal-petrol fl-Imġarr Malta, lejn il-periferija fuq art li tinsab ‘il barra miż-żona tal-iżvilupp; fi Triq l-Imġarr. L-applikazzjoni oriġinali kienet approvata fl-2011, iżda l-applikant ma kienx ikkonkluda x-xogħlijiet u reġa’ applika biex iġedded l-applikazzjoni.

F’rapport ieħor, il-Qorti Kostituzzjonali – ġimgħatejn oħra mistennija tiddeċiedi dwar jekk fi kliem il-Partit Nazzjonalista inkisirx id-dritt għal smigħ ġust, meta l-Imħallef Antonio Mizzi ma rrikużax ruħu milli jisma’ l-appelli li saru minn seba’ persuni msemmija fil-Panama Papers kontra d-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia, fejn ta l-apporvazzjoni biex issir inkjesta dwarhom.

Fi storja ritratt, bukkett ward ħomor li qed jinbiegħ fl-okkażjoni ta’ Jum San Valentinu.

In-Nazzjon jirrapporta li l-inizjattiva tal-programm Lead, bl-appoġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li suppost kellha l-għan li jkun hemm aktar nisa fil-Partit Laburista u fit-tmexxija tal-pajjiż, illum, jallega l-ġurnal, qed jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-ħsieb wara dan il-programm kien biex tinbena armata ta’ tfajliet u nisa lebsin sabiħ u b’dehra attraenti, biex meta tiskatta t-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit, allura dawn it-tfajliet u nisa diġà mħarrġa jkunu jistgħu jimmilitaw fuq quddiem nett tal-kampanja li ssir favur Miriam Dalli.

F’rapport ieħor, il-ġurnal jirrapporta li pazjent rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli, ilbieraħ ħarab mill-Isptar u sakemm il-ġurnal mar għall-istampa, kien għadu ma rritornax.

Malta Today jirrapporta li l-Assoċjazzjoni tat-Tobba ħabbret li bħala ġest ta’ rieda tajba ssospendiet l-avviż għal azzjonijiet industrijali li setgħu jsiru għada u nhar il-Ġimgħa, waqt li l-MAM ser tkompli tinnegozja mal-Gvern. Il-MAM qed toġġezzjona l-ftehim tal-konċessjoni li rat tliet sptarijiet pubbliċi jiġu trasferiti lill-kumpanija privata Vitals Global Health Care. Il-konċessjoni issa qed tiġi trasferita mill-Vitals lill-kumpanija Amerikana Steward Health Care.

F’rapport ieħor, mozzjoni biex jitneħħa l-mafkar li sar għal ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’riġlejn il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt kienet meqjusa bħala invalida mis-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli waqt laqgħa kaotika tal-kunsill lokali lbieraħ filgħaxija. Waqt li rrefera għal-liġijiet tal-kunsill lokali, Dingli qal li l-Kunsill ta-Belt ma kellu l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir, u l-mozzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

Times of Malta jirrapporta li fi tmiem laqgħa tal-Kunsill deskritta bħala kaotika u f’kamra żgħira mimlija nies, is-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli ordna li l-mozzjoni biex jitneħħa l-mafkar għal Daphne Caruana Galizia ma kinitx valida. Fir-ruling intqal li l-kunsill lokali ma kellux ġurisdizzjoni fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir.

F’rapport ieħor, il-ġurnal jikkwota lill-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant jgħid li għad għandu d-dubji fuq l-istqarrijiet ta’ Konrad Mizzi dwar il-kontijiet sigrieta kontroversjali iżda ma jaqbilx mad-dawl li ntefa’ fuq Malta dwar il-korruzzjoni. L-intervista mal-Membru Parlamentari Ewropew u ex Prim Ministru, saret sentejn wara li kien qal li Dr Mizzi kellu jirriżenja wara li kien espost fil-Panama Papers.

Fi storja ritratt, nies joħolqu katina umana fiċ-ċentru ta’ Dresden biex jikkommemoraw l-ibbumbarjdar li ġarbet il-Belt fit-Tieni Gwerra Dinjija.

L-Orizzont jirrapporta li wara xitwa pjuttost niexfa, ix-xita li għamlet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet bħal barka mis-sema. Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt kien reġistrat l-akbar ammont ta’ xita fi Frar fl-aħħar tmenin sena. Il-ġurnal iżid li x-xita fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt li għadda laħqet il-124 millimetru.

Fi storja oħra, bit-titlu ‘Mistennija żieda fin-nies li jaħdmu full time’, iċ-Ċermen tal-Jobsplus Clyde Caruana ikkwotat jgħid li n-numri qed jindikaw li l-ekonomija qed toħloq numru kbir ta’ impjiegi full-time. L-aħħar statisitka maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li wriet kif f’Awwissu li għadda dawk li jaħdmu full time żdiedu b’sitta fil-mija.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Luke, huwa l-ewwel Malti li laħaq l-ewwel miljun abonat (subscriber) fuq YouTube. Skont l-aħħar statistika li ħarġet f’Jannar kull minuta jitilgħu 300 filmat fuq YouTube u kuljum in-nies jaraw mal-5…

Knisja Maltija

Sorpriża għad-Dinglin mal-ħruġ tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija. L-abbatini qattgħu l-btajjel tas-sajf jaħdmu fuq l-ewwel infjorata fuq iż-żuntier tal-Knisja Arċipritali, li minn fuqu għaddew ir-reffiegħa. Il-grupp tal-abbatini ta’ Ħad-Dingli sellem…

Ġurnali

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-faċċati tal-ġurnali tal-lum, it-Tnejn, 20 ta’ Awwissu TIMES OF MALTA Times of Malta fir-raport ewlieni tiegħu jikkwota sorsi qrib il-Gvern li qalu li Malta qatt mhi…

Mużika

Malta ma kklassifikatx mal-ewwel sitta fil-Eurovision Young Musicians madankollu hija serqet il-qlub tal-Maltin. Bernice Sammut Attard daqqet il-pjanu f’Edinburgh nhar is-Sibt li għadda. Fil-Eurovision Young Musicians ħadu sehem 18-il pajjiż….

Aktar