Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

The Malta Independent

The Malta Independent jirrapporta li sorsi qrib il-ġurnal qalu li Zeck Meli ma waqax fl-art wara li qala’ daqqa ta’ ponn waqt argument f’Paceville u qalu li dan jeskludi l-possibilità li ż-żagħżugħ ta’ 24 sena seta’ miet wara li ħabat rasu fl-art.

Fi storja oħra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia nsista li l-partit kien qed jipprijoritizza l-ħtiġijiet tal-pubbliku meta bidel il-pożizzjoni tiegħu dwar l-emendi fil-liġi tal-pensjonijiet tal-Membri Parlamentari u mhux għal konvenjenza politika.

Fi storja ritratt, il-President Marie Louise Coleiro Preca sswegwi l-produzzjoni tal-figolli maħdumin mill-istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Il-figolli ser jinbiegħu b’risq il-Malta Community Chest Fund.

In-Nazzjon

In-Nazzjon jirrapporta lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Partit irid ikun revoluzzjonarju fil-proposti tiegħu għas-settur marittimu. Dr Delia qal dan fi tmiem żjara li għamel fil-Grand Harbour Marina l-Birgu. Żied li wieħed irid jifhem li Malta, minkejja l-kwalitajiet kollha tagħha, qed tikkompeti ma’ pajjiżi oħra li jridu jissupperawha. Mar-rapport, ritratt tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt żjara fix-Xatt tal-Birgu fejn iltaqa’ mal-management u l-ħaddiema tal-Grand Harbour Marina.

F’rapport, il-Pulizija qed tinvestiga 18-il persuna li bejn l-2014 u l-2015 evadew madwar 12-il miljun ewro f’taxxi billi nqdew b’isem pajjiżna biex ma jitħallsux taxxi. Jirriżulta li żewġ konsorzji kienu qed jimpurtaw żejt lubrifikanti lejn l-Italja iżda jiddikjaraw li d-destinazzjonijiet kienu pajjiżi oħra fl-Ewropa, foshom Malta, iżda wkoll Greċja u Ċipru.

Maltatoday

MaltaToday jirrapporta li l-Kunsill Lokali tal-Gzira llum jiffirmaw ftehim mal-MIDI, l-iżviluppaturi ta’ Tigne’ Point, biex jindokra Manoel Island. Il-ftehim qed isir wara azzjoni tal-kunsill lokali u l-Moviment Graffiti flimkien ma’ attivisti tal-ambjent li raw li l-pubbliku jkollu aċċess għal Manoel Island. Il-ftehim ser iwassal għat-twaqqif ta’ fondazzjoni biex tassigura li titgawda mill-parti mill-Gżira.

Fi storja oħra li tibda mill-faċċata ta’ quddiem, il-Global Capital mistenni jagħmel offerta biex ikollu l-maġġoranza tal-ishma fil-Lombard Bank.

The Times of Malta

Times of Malta jirrapporta li l-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja qalet li deċiżjonijiet strambi dwar l-iżvilupp qajmu dubji dwar it-tmexxija tar-regolaturi tal-ambjent u l-ippjanar, bħall-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Fi stqarrija, il-Kummissjoni rreferiet għad-deċiżjonijiet li ttieħdu b’rabta mal-Iżvilupp tal-Lukanda Fortina f’Tas-Sliema, Mercury House f’Paceville u l-proġett kbir ta’ Villa Rosa fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Mar-rapport akkumpanjat ritratt ta’ persuna tiġri fl-isfond ta’ knaten tal-konkrit fl-iżvilupp li għaddej taħt Fort Cambridge, f’Tas-Sliema.

F’rapport ieħor, il-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield seta’ poġġa s-siġġu parlamentari tiegħu f’riskju wara li nħatar kordinatur tal-mistoqsijiet parlamentari fl-Uffiċju tal-Prim Ministru. Żewġ esperti legali kkuntattjati mill-ġurnal qajmu dubji dwar jekk din il-kariga kinitx qed tmur konta l-Kostituzzjoni.

L-Orizzont

L-Orizzont jirrapporta li skont Philip Fenech, sid ta’ stabbiliment f’Paceville u ilu jopera minn hemm għal snin twal, wasal iż-żmien li l-post jiġi immaniġġjat biex ikunu indirizzati l-isfidi kollha li qed jaffaċċja. Fenech ikkwotat jgħid li kieku jkollok id-Depot kollu xorta jibqgħu jseħħu l-inċidenti. Wara l-inċident li fih tilef ħajtu Zach Meli kienu bosta li bħalma jiġri f’każijiet bħal dawn qajmu mistoqsijiet dwar jekk il-post hux sigur għaż-żagħażagħ.

F’rapport ieħor, f’tentattiv biex ikompli jindirizza l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku, il-Gvern iddeċieda li jżid żewġ karreġġjati quddiem il-mini ta’ Santa Venera b’waħda f’kull direzzjoni.

Il-ġurnal jirrapporta li quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi lbieraħ beda jinstema’ l-ġuri ta’ Herman McKay ta’ 34 sena minn Ħal Qormi, li qed ikun akkużat li kellu fil-pussess tiegħu d-droga eroina, li nstabet f’ċirkustanzi li juru li ma kinixtx għall-użu esklussiv tiegħu.

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-aġenzija Sedqa qed tinnota żieda fl-għadd ta’ persuni li jirrikorru għall-għajnuna minħabba l-użu ta’ stimulanti bħall-kokaina, ecstasy u b’mod partikolari d-drogi sintetiċi bħal cannabinoids li huma differenti mill-kannabis. Mill-banda l-oħra…

Saħħa

L-anzjani li jgħixu ż-Żurrieq, il-Gżira u l-Mosta qed jivjaġġaw fil-lokalità tagħhom permezz ta’ tuk tuk, li jmur għalihom id-dar u jwassalhom għall-qadja li jkollhom u jerġa’ jwassal lura. Dan huwa…

Lokali

Bħalissa, Occupy Justice qed torganizza dimostrazzjoni għall-verità u l-ġustizzja fi Pjazza l-Assedju l-Kbir.  

Saħħa

Wara xahrejn ta’ azzjonijiet industrijali mid-dentisti li jaħdmu mal-Gvern, jidher li hemm ċans ta’ żblokk bit-tilwima bejn il-Gvern u l-UHM li tirrappreżenta d-dentisti li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. TVM huwa…

Aktar