Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

TIMES OF MALTA tgħid li investigazzjoni tal-pulizija ordnata mill-Gvern dwar rapporti li l-binja tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-isptar Mater Dei mhux b’saħħtu biżżejjed sabiex fuqha jinbnew żewġ sulari oħra għandu l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista. Kelliem tal-Partit Nazzjoanlista qal lill-ġurnal li l-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jikkonkludi din l-investigazzjoni fl-iqsar żmien possibli biex ikunu stabbiliti l-fatti. Rapport ieħor jgħid li kap ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni ewlenija qal li l-Maltin qed ifaddlu inqas, jonfqu aktar u mhux jippjanaw għall-pensjoni, bir-riskju li meta jirtiraw ma jkunux jistgħu jgħixu b’dinjità. Ir-ritratt fuq il-paġna ta’ quddiem juri ħaddiema ta’ salvataġġ fi Franza iffitxu qalb għal persuni li ntradmu meta binja iġġarfet qrib Pariġi. Tifel u anzjana tilfu ħajjithom f’dan l-inċident.

L-ORIZZONT b’ritratt tal-kaċċaturi qed isellmu lil San Ġiljan – il-qaddis protettur tagħhom. Il-ġurnal jgħid li l-ispiżjar forensiku Mario Mifsud huwa mħasseb mid-drogi ġodda li deħlin fil-pajjiż, l-aktar bl-internet u kif dawn qed jintużaw fil-‘parties’ mingħajr ma nafu wisq x’effett qegħdin iħallu fuq min jużahom. Bit-titlu “Struttura Mherrija”, rapport ieħor jgħid li wara żewġ testijiet li saru mill-kuntrattur li kien qiegħed jagħmel ix-xogħol fuq il-kolonni fl-istruttura tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-isptar Mater Dei , irriżulta, li mhux talli huma dgħajfin, iżda talli ċertu materjal li ntuża biex inbnew dawn il-kolonni, tant huwa dgħajjef, li jista’ jitgħaffeġ bl-idejn. Il-ġurnal jgħid li Norman Vella se jkollu programm fuq l-istazzjoni tal-Partit Nazzjonalista NET TV.

THE MALTA INDEPENDENT b’ritratt tal-operazzjoni ta’ salvataġġ mill-Migrant Offshore Aid Station, li assista 96 immigrant li sabu ruħhom f’diffikultà. L-ekwipagg tal-bastiment tas-salvatagg Phoenix, fi tmiem il-ġimgħa assista mat-300 immigrat li mgħataw lill-awtoritajiet Taljana. Il-ġurnal jgħid li mill-2009 sal-lum kien hemm 66 theddida ta’ bomba fil-Qrati Maltin, 63 seħħew fil-Qorti ta’ Malta u tlieta fil-Qorti t’Għawdex. Dawn jiswew lill-Qorti €3,500 f’salarji moħlija. Rapport ieħor jgħid li mara ta’ 65 sena akkużat lil xufier tal-linja li waqqaha għaċ-ċajt quddiem xarabank mimlija nies hekk kif kienet qed tgħin passiġier ieħor.

IN-NAZZJON jgħid li ftit tal-jiem ilu, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ġabar passiġier Libjan minn ħdejn l-ajruplan b’karozza misjuqa mix-xufier tiegħu. F’aktar stejjer il-ġurnal jgħid li is-Sindku Laburista tar-Rabata mhux qed jara l-kwistjoni taċ-ċaqliq tal-monti tar-Rabat lejn Triq it-Tiġriija mill-istess lenti tal-bejjiegħa ta’ dan il-monti li esprima l-għada u r-rabja tagħhom għal din id-deċiżjoni. Il-President Russu, Vladimir Putin, irid diskussjoni dwar ‘Stat tal-Ukrajna tal-Lvant’ u wara li l-UE tat ultimatum ta’ ġimgħa biex Moska tibdel l-aġir tagħha. U l-Milan taħt it-tmexxija ta’ Pippo Inzaghi fetħu l-impenji tas-Serie A b’rebħa ta’ 3 b’wieħed kontra Lazio.