Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum, 30 t’April, 2018

TIMES OF MALTA

B’żewġ stejjer fuq il-faċċata. Tirrapporta li lbieraħ it-toroq tal-belt kienu miżgħuda b’nies isejħu għall-ġustizzja u l-libertà wara dak li ġie żvelat minn The Daphne Porject. Bl-għajta “ġustizzja” u “kriminali, giddibbin, postkom huwa l-ħabs”, l-attivisti mxew minn Pjazza Kastilja sa Triq ir-Repubblika. Kif jidher fir-ritratt ħafna minn dawk li ħadu sehem ġarrew il-bandiera ta’ Malta u tabelli bi kliem bħal “Tillgate” u “Hearnsville” b’referenza għall-kumpanija li hu rrappurtat huma tal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Rapport ieħor jgħid li skont stħarriġ li sar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni jirriżulta li kwart tal-Maltin ma jħossuhomx komdi li jkunu ħbieb mal-immigranti. L-istħarriġ iddefinixxa immigrant bħala persuna mwieled f’pajjiż barra l-Unjoni Ewropea u li bħalissa qed jgħix b’mod legali f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jgħid li l-Maltin huma l-aktar li jaħsbu li l-immigranti huma ta’ piż għall-benefiċċji soċjali.

L-ORIZZONT

Jirrapporta li l-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li bil-liġi proposta dwar l-IVF se jiġu salvati d-doppju tal-embrijuni li qed isalvaw illum. Fl-istess waqt għamilha ċara li l-iffriżar tal-embrijuni kien daħal fil-liġi tal-2012 u min xebbhu mal-abort missu tkellem dakinhar meta daħal il-prinċipju li l-embrijun seta jiġi ffriżat.

L-Orizzont jgħid ukoll li skont Paul Sultana, li jmexxi l-laboratorju fl-Isptar St. James, jemmen li t-tibdil propost fil-liġi dwar l-IVF se jżid in-numru ta’ trabi li jitwieldu b’dan il-proċess b’10%.

Rapport ieħor jgħid li l-aħħar statistika dwar il-kriminalità ppubblikata mill-kriminologu l-Professur Saviour Formosa ma tantx tagħmlilhom kuraġġ minn fejn irriżulta li s-serq mill-bajjiet matul is-sena 2017 żdied b’31% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

U permezz tar-ritratt, l-Orizzont jgħid li ttellgħet il-wirja agrarja fil-Buskett.

THE MALTA INDEPENDENT

Tirrapporta li eluf ta’ nies ilbieraħ ħadu sehem fil-manifestazzjoni għall-ġustizzja u l-verità fil-Belt. Id-demostrazzjoni, li kienet organizzata mill-attivisti tal-gruppi Occupy Justice u Awturi, saret wara l-allegazzjonijiet li saru minn The Daphne Project, li s’issa ppubblika emails li juru li hemm rabtiet bejn 17Black u żewġ kumpanija offshore fil-Panama ta’ Keith Schembri u Kontrad Mizzi; li Pilatus Bank kien użat biex miljuni jitmexxew fl-Ewropa minn network ta’ aktar minn ħamsin kumpanija u trusts sigrieta tat-tmexxija tal-Ażerbajġan u li Nexia BT żammet informazzjoni mill-FIAU. Ir-rapport – akkumpanjat b’ritratt – jgħid li l-folla lbieraħ qalet lil Konrad Mizzi u Keith Schembri li posthom hu l-ħabs.

Rapport ieħor fuq il-faċċata ta’ The Malta Independent jgħid li kważi 90% tal-bdoti tal-Air Malta vvutaw favur l-azzjoni industrijali ta’ nhar il-Ġimgħa. Nhar il-Ġimgħa waranofsinhar l-assoċjazzjoni tal-bdoti tal-Air Malta – l-ALPA – tat struzzjonijiet lill-membri tagħha biex ma jtajrux l-ajruplan il-ġdid minħabba kwistjonijiet dwar buttuna li tħassar dak li jingħad fil-kabina.

IN-NAZZJON

Permezz tar-ritratt tirrapporta li fil-Belt Valletta lbieraħ saret manifestazzjoni ssejjaħ għall-ġustizzja u l-verità.  Rapport ieħor fuq il-faċċata jikkwota lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jgħid li l-Partit Nazzjonalista sa jagħti wens lil min hu dgħajjef, u jtella’ ‘l fuq lil min hu batut.