Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum, 2 ta’ Mejju, 2018

The Malta Independent

Permezz ta’ ritratt tal-folla li lbieraħ inġabret fi Pjazza Tritoni għall-mass meeting ta’ Jum il-Ħaddiem, jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se ssir konsultazzjoni pubblika fuq is-suq tal-kiri, kif ukoll investiment ta’ 500 post għall-akkomodazzjoni soċjali/ Madankollu r-rapport jgħid li l-Prim Ministru ma użax din l-okkażjoni biex jindirizza direttament il-kritika u l-allegazzjonjonijiet li ħarġu minn the Daphne Project u l-istqarrijiet kontroversjali minn uffiċjali għolja tal-V18.

Rapport ieħor jgħid li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li sar evidenti li l-Gvern għaddej b’eżerċizzju biex jgħatti l-persuni wara l-qtil ippjanat ta’ Daphne Caruana Galizia. Jgħid li Dr Azzopardi nhar it-Tnejn li għadda għamel stqarrijiet xokkanti fil-Parlament. Huwa semma surġent tal-pulizija, li skont sorsi, informa lit-tliet akkużati bil-qtil tal-ġurnalista li se jiġu arrestati.

In-Nazzjon

Bi storja ewlenija fuq il-faċċata tirrapporta dwar business breakfast organizzat mill-Partit Nazzjonalista f’Jum il-Ħaddiem bit-tema: ‘il-Ħaddiema f’Malta – Pjan fit-Tul’. Ir-rapport, li jkompli fil-paġni ta’ ġewwa tal-ġurnal, jikkwota lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jgħid li rridu nfasslu l-futur flimkien biex inħarsu dak li jagħmilna Maltin.

 

Malta Today

Tirrapporta li waqt il-mass meeting tal-ewwel ta’ Mejju, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li b’investiment ta’ €50 miljun, li ġejjin mill-flus tal-passaporti, se jinbnew 500 post ta’ akkomodazzjoni soċjali. Ir-rapport jgħid li dan l-investiment se jiżdied ma’ proġett ieħor ta’ €50 miljun għall-akkomodazzjoni soċjali, li tħabbar fil-leġiżlatura li għaddiet. Il-gazzetta tgħid li eluf wieġbu għas-sejħa tal-Prim Ministru u attendew għall-mass meeting.

Rapport ieħor jgħid li f’mossa rari, is-Servizz tas-Sigurtà lbieraħ ħareġ stqarrija li fiha ċaħad b’mod kategoriku li kellu xi għarfien minn qabel ta’ pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

 

Times of Malta

B’żewġ stejjer fuq il-faċċata. Tirrapporta li l-amministrazzjoni tal-Qorti kellha għadd kbir ta’ talbiet biex tħassar deċiżjonijiet mid-database pubblika online tal-Qorti. Uffiċjali tal-Qorti qalu li mindu Times of Malta rrappurtat li l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ppermetta li jibdew jitħassru sentenzi mis-server online, fl-aħħar tliet ġimgħat kien hemm madwar 25 talba ġdida għat-tneħħija tas-sentenza. Dan ifisser aktar mit-total li l-amministrazzjoni tal-Qorti rċeviet fl-aħħar tliet snin.

Rapport ieħor jgħid partitarji tal-partit Laburista lbieraħ wieġbu f’ammonti kbar għas-sejħa tal-Prim Ministru biex jattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem fi Pjazza Tritoni bħala turija ta’ saħħa għall-Gvern. Ir-rapport jgħid li f’din l-attività l-Prim Ministru ħabbar investiment ta’ 50 miljun ewro fi proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali, li se jsir mill-qligħ tal-programm kontroversjali ta’ ċittadinanza b’investiment, li permezz tiegħu qed jinbiegħu passaporti Maltin.

 

L-Orizzont

Tikkwota lill-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li “l-istorja jiktibha min iwettaq il-bidla. Ir-rapport jgħid li waqt id-diskors tiegħu f’Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru ħabbar “l-ikbar proġett soċjali ta’ żmienna” fl-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali. Jakkumpanja l-artiklu ritratt tal-folla li nġabret fi Pjazza Tritoni lbieraħ għall-mass meeting tal-ewwel ta’ Mejju.

Rapport ieħor fuq il-faċċata jgħid li s-Segretarju tal-General Worker’s Union, Josef Bugeja, saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar kollaborazzjoni u għaqda bejn dawk li joperaw fis-settur edukattiv kif ukoll dawk li jinvolvu ruħhom fil-qasaam tax-xogħol. Is-Sur Bugeja tenna dan waqt attività organizzata mill-Partit Nazzjonalista f’Jum il-Ħaddiem, flimkien mal-President tal-GWU Victor Carachi.