Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum, 04/05/2018

The Times of Malta

Fuq il-faċċata ritratt tal-President tal-Parlament Ewropew Antopnio Tajani li lbieraħ żvela skultura li ngħatat mill-artist Malti Kevin Scerri, skultura li ġiet ikkreata apposta fil-jum dinji għal-libertà tal-istampa.  Tajani lbieraħ ltaqa’ mal-ġenituri ta’ Daphne Caruana Galizia u mal-Ewroparlamentari Roberta Metsola li qalu li mhux se jieqfu jissieltu għall-verità u l-ġustizzja.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li lbieraħ għadd ta’ residenti Slimiżi ferħu bid-deċiżjoni li l-permess ta’ 38 sular imsejjaħ Town Square ġie annullat, u l-iżviluppaturi ġew infurmati li se jkollhom jirrevedu dan il-pjan mill-ġdid.  Dan il-proġett ta’ mitt miljun ewro kien ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Settembru tal-2016, u li wara din l-approvazzjoni saru bosta appelli kontra din id-deċiżjoni.  L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, iddikjarat li ma sarux bizzejjed studji adekwati għal dan il-proġett.

Storja fuq il-faċċata tgħid li skont investigazzjoni minn Daphne Project,  Malta ġiet identifikata bħala ċentru għall-kuntrabandu tal-fuel mill-Libja, kuntrabandu li jiswa miljuni kbar ta’ ewro u li jikkonsisti fi fuel misruq mil-Libja, u li jiġi nnegozjat saħansitra fi mħażen fil-Port il-Kbir u f’Birżebbuġa.

The Malta Independent

Fuq il-faċċata ritratt tal-Valletta Green Festival li ġie varat ilbieraħ, bi pjazza San Ġorġ tinbidel f’tapit ta’ fjuri u pjanti.  Dan il-festival issa qiegħed fil-ħames edizzjoni tiegħu.

Storja fuq il-faċċata tgħid li fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nfetħet faċilità oħra ġdida li tieħu ħsieb il-manteniment tal-ajruplani.  Din il-faċilità nfetħet minn Bravo Aircraft Technical Services Ltd u b’hekk issa din il-kumpanija ngħaqdet ma’ kumpanniji oħra li f’pajjiżna joffru servizzi simili fosthom Lufthansa Technik, Sr Technics, Mcm Medavia, u l-Air Malta.

Fuq il-faċċata wkoll storja li tikkwota  lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jgħid li bil-għan li jipproteġi sorsi varji mill-pulizija, mhuwiex se jirrepeti stqarrijiet li għamel fil-Parlament li surġent tal-Pulizija Aldo Cassar kien għamel kuntatt ma’  wieħed mit-tliet suspettati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, sigħat qabel ma seħħ ir-raid fil-Marsa.

L-Orizzont

Fuq il-faċċata ritratt tat-temp xitwi li reġa’ tfaċċa fuq il-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem.

Storja fuq il-faċċata, il-ġurnal jagħtina storja ta’ mara ta’ tletin sena u d-diffikultà taghha biex ikollha t-tfal, minħabba tqala li tissejjaħ etopika, fenomenu rari ħafna.

Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li l-festival tal-mużika Lost and Found f’Malta mistenni li jiġġenera mas-seba’ miljun ewro din is-sena, hekk kif b’kollox se jkunu qed jattendu mad-disat elef ruħ.

Rapport fuq il-faċċata jgħid li d-diviżjoni tat-tindif għaddejja b’ħidma b’aktar tindif tal-bajjiet.

In-Nazzjon

Fuq il-faċċata ritratt tal-Kap tal-Oppożizzjoni u dak Nazzjonalista Adrian Delia qed jiltaqa’ ma’ Dar il-Kaptan, id-dar li tagħti servizzi ta’ respite lil familji li jkollhom persuni b’diżabilità.  Dr Delia qal li soċjetà li ma tagħrafx il-kapaċitajiet tal-persuni b’abbiltajiet differenti tkun qed taħli l-opportunitajiet.

Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li aktar żbalji min-naħa tal-pulizija jwasslu biex akkużati jinħelsu mill-Qorti.  Il-każ jitratta fuq logħob illegali tat-tiġrijiet taż-żwiemel fejn minhabba żbalji tal-pulizija, seba’ persuni nħelsu minn proċeduri kriminali għax il-pulizija ma esibitx il-permess tal-Avukat Ġenerali biex jittieħdu miżuri kriminali kontra l-istess akkużati.