Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum, 08 t’April, 2018

L-Orizzont

Jistaqsi jekk hemmx biżżejjed infurzar dwar il-karavans illegali. Jgħid li rċieva numru ta’ kummenti mingħand għadd ta’ residenti, fosthom fl-irħula ta’ Marsaskala u tal-Mellieħa, fuq numru ta’ karavans li jinsabu fil-viċinanzi ta’ postijiet għall-għawm. Skont l-Orizzont dawn il-karavans, li jinsabu f’postijiet illegali u mingħajr awtorizzazzjoni ilhom hemm għal bosta jiem, tant li numru minnhom diġà ħarġu għarmar bħal BBQ u siġġijiet għall-użu personali matul ix-xhur tas-sajf.

Rapport ieħor jgħid li ż-żidiet fil-prezzijiet tal-gass u l-elettriku madwar id-dinja qed ifissru prezzijiet aktar għoljin tal-elettriku, b’Malta qed jirriżulta li hi eċċezzjoni pożittiva. Dan għax la żiedet it-tariffi tal-elettriku u wisq inqas mistennija żżidhom fi żmien li ġej.

Bit-titlu “L-ORIZZONT mhux ħati ta’ libell”, rapport ieħor jgħid li l-eks-Editur Josef Caruana kien meħlus minn kull akkuża fil-kawża ta’ libell ta’ Ġanni l-Għawdxi – ir-raħħal f’ċentru ta’ kontroversja kontra d-Dipartiment tal-Agrikoltura fuq numru ta’ ngħaġ mhux rreġistrati li huwa kellu fil-pussess tiegħu.

U omm li għandha binha gay tgħid li l-orjentazzjoni sesswali għandha tiġi mgħallma kmieni fl-iskola.

The Malta Independent

Tirrapporta li skont l-istatistika persuna minn kull tmienja li jinstab li għandha l-kanċer tal-ġilda – melanoma – tmut. Għat-tmintax-il sena, Malta qed tingħaqad mal-bqija tal-Ewropa fil-kampanja ta’ din is-sena bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-melanoma. It-tema tal-kampanja din is-sena hi ‘Malta għandha problema ta’ kanċer tal-ġilda – li jista’ jitfejjaq jekk jinqabad kmieni. Ir-rapport jgħid li f’Malta l-għadd ta’ każi ta’ melanoma f’Malta rduppjaw fl-aħħar għoxrin sena.

Rapport ieħor jgħid li l-iżvilupp mill-ġdid propost f’ Ħ’Attard wassal għal rabja fost il-pubbliku u tħassib dwar l-akwedott protett fl-ewwel grad. L-iżvilupp jikkonsisti fit-twaqqiegħ ta’ villa u minflokha jinbnew erba’ vilel separati fi Triq il-Linja u Triq Peter Paul Rubens. Il-proposta tinkludi wkoll il-bini ta’ triq ġdida fuq in-naħa l-oħra tal-akwedott.

Ir-ritratt juri lill-Prim Imħalled il-ġdid Joseph Azzopardi li lbieraħ ppresidja l-ewwel każ fil-Qorti tal-Appell Kriminali.

In-Nazzjon

Tirrapporta li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’diskors ta’ introduzzjoni fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Raħal Ġdid ilbieraħ filgħaxija qal li permezz tad-djalogu man-nies il-Partit Nazzjonalista se jimplementa l-ideat diskussi fi proposti, li se juru li l-Partit Nazzjonalista huwa tassew l-alternattiva mistħoqqa għall-futur ta’ dan il-pajjiż. Adrian Delia qal li flok sar investiment biex jitkompla x-xogħol li kien qed isir mill-amministrazzjoni Nazzjonalista, l-investiment bħalissa qisu staġna. Qal li dan qed iwassal biex l-edukazzjoni tkun mhedda.

Bid-dettalji jinsabu fuq ġewwa tan-Nazzjon, rapport ieħor jgħid li Joseph Azzopardi nnota d-dewmien tal-kawżi fl-ewwel seduta bħala Prim Imħallef.

Times of Malta

Tirrapporta li investigaturi kontra l-ħasil tal-flus fi British Virgin Islands investigaw il-kumpanija offshore Colson ta’ Keith Schembri, li fl-2014 kellha bilanċ ta’ 725,000 dollaru. Ir-rapport jgħid li f’ittra lill-kumpanija Mossack Fonseca, it-Tasqima ta’ Investigazzjoni Finanzjarja f’ British Virgin Islands talbet għal informazzjoni dwar Colson bħala parti minn investigazzjoni għal reat finanzjarju, li jinkludi ħasil ta’ flus. Jgħid li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru qed jaffaċċja numru ta’ investigazzjonijiet lokali dwar ħasil ta’ flus, imma l-Prim Ministru warrab sejħiet għar-riżenja tiegħu.

Rapport ieħor jgħid li x-xogħlijiet ta’ skavar għal Townsquare f’Tas-Sliema, li beda s-sena li għaddiet, ġie sospiż wara li ġie revokat il-permess għall-iżvilupp mit-tribunal tal-appelli.Ikkonfermaw dan mal-ġurnal l-iżviluppaturi tal-proġett. Jakkumpanja dan l-artiklu ritratt tas-sit fejn għandu jsir il-proġett Townsquare.