Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum, 10 ta’ Mejju, 2018

The Times

Fuq il-faċċata ritratt tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fejn minn studju li sar fuq x’hemm taħt l-art ta’ dan il-Kon Katidral instab li hemm biss tlett siti ta’ dfin u mhux kif kien ingħad li huwa miżgħud b’siti ta’ dfin, kif konna nkunu mgħallma fil-kotba tal-istorja.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li l-għaqda Din l-Art Helwa fetħet kawża kontra l-Awtorità tal-Ippjanar minħabba d-deċiżjoni li titwaqqa’ parti mill-Villa ta’ San Injazju fil-Balluta.  L-għaqda qalet li t-twaqqigħ ta’ parti minn dil-villa jikser il-kundizzjonijiet tal-permess u dan jiem wara li dan il-bini kien ġie suġġerit biex jiġi skedat.

Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li skont esperti fil-pajjiż,  nies midħla fin-negozju, skont il-ġurnal, iqisu lil Malta bħala pajjiż korrott.  Skont l-indiċi tal-korruzzjoni, Malta ġiet fis-sitta u erbgħin post minn 180 pajjiż.

The Malta Independent

Fuq il-faċċata ritratt tal-Arċisqof Charles Scicluna f’Ħal Safi qed jiltaqa’ man-nies, fosthom ma’ anzjana.  L-Arċisqof qed idur diversi lokalitajiet u anki nies fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li l-popolazzjoni fiċ-ċentri miftuħa tal-immigranti kibret b’terz u dan minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-kiri. Bħalissa fiċ-ċentri miftuħa hemm joqogħdu 907 immigrant, minkejja li d-dħul ta’ immigranti bid-dgħajjes naqas b’mod drastiku.

Storja oħra tgħid li l-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi qal lil dan il-ġurnal li meta kien Prim Ministru, il-kumpanija Henley & Partners ippruvat tikkonviċih bl-idea li jbigħ il-passaporti, u li skont hu ma kienx laqa’ din l-idea.

In-Nazzjon

Fuq il-faċċata rapport dwar dak li qal il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius f’għeluq sessjoni tal-Kunsill Ġenerali Nazzjonalista fejn sostna li l-Partit Nazzjonalista se jaħdem bla heda biex ikun il-partit tan-nies, u l-vuċi tagħhom.

Storja oħra fuq il-faċċata b’ritratt tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara li għamel fil-birrerija Farsons li permezz tat-teknoloġija avvanzata u 800 ħaddiem għandu swieq barra minn Malta wkoll.

L-Orizzont

Fuq il-faċċata ritratt tal-koppja Kris Grima u Steve Vella, koppja omosesswali li l-istorja tagħhom kienet ħarġet b’mod esklussiv għall-ewwel darba fl-aħbarijiet ta’ TVM, saret diskussjoni magħhom minn dan il-ġurnal dwar is-sinifikat ta’ Jum l-Omm u l-mistoqsija jekk dan il-jum għandux ikun iċċelebrat ukoll minnhom li adottaw tifel.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li r-registru tal-pedofeli issa tela’ għal 58 persuna, u dan wara l-aħħar każ ta’ anzjan li nstab ħati li abbuża sesswalment miż-żewġ neputijiet tiegħu.

Fuq il-faċċata wkoll storja li tgħid li l-Kurja tiċħad li sikktet lil Patri Mark Montebello, u dan meta l-ġurnal ġie infurmat li l-Patri Dumnikan, ġie msikket u mwiddeb biex ma jitkellimx fil-miftħ  dwar l-opinjonijiet tiegħu għat-tlett snin li ġejjin.  Il-Patri għal bosta snin kien qajjem kontroversji sħaħ minħabba l-fehmiet kuntrastanti tiegħu minn mal-linja ġenerali tal-Knisja f’Malta.

Storja oħra tgħid li sa mill-bidu tal-2013 sa April ta’ din is-sena, 22 persuna ġew imressqa l-Qorti għax il-kelb tagħhom ma kienx microchipped.  Dan żvelah il-Ministru għall-ambjent Jose’ Herrera.