Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum 16 ta’ Mejju, 2018

The Times of Malta

Fuq il-faċċata l-istorja li xxukkjat pajjiż ilbieraħ b’kuntistabbli tal-pulizija li safa fil-periklu tal-mewt wara li sewwieq ta’ 17–il sena tajru u baqa’ għaddej minn fuqu.  Il-ġuvni li ovvjament kien qed isuq bla liċenzja mistenni li jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil fost akkużi oħra.

Storja oħra fuq il-faċċata li tgħid li l-ex Ministru Manuel Mallia qed jingħata paga mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, b’paga ta’ €56,000 fis-sena bħala konsulent legali għall-Prim Ministru fuq bażi part-time.  Din il-paga li qed jingħata l-ex Ministru Mallia hija barra l-€20,000 oħra li jirċievi fis-sena bħala membru parlamentari u bħala Chairman tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà.

The Malta Independent

Fuq il-faċċata azzjoni oħra mill-grupp Rezistenza Malta, din id-darba wara l-pupu li kienu għamlu quddiem l-uffiċċju tal-FIAU fis-Swatar, issa għamlu pupu li jwaqqa’ għaċ-ċajt lill-Prim Ministru liebes ta’ imperatur bla ħwejjeġ quddiem Kastilja.  Il-Kritika hija dwar l-iskema taċ-ċittadinanza.

Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li skont statistika miġbura mill-Unjoni Ewropea jidher li l-Maltin idumu iktar jgħixu mal-ġenituri tagħhom mill-bqija tan-nies li jgħixu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.  Hekk kif il-medja Ewropea ta’ dawk li jitilqu mid-dar tal-ġenituri hija l-età ta’ 26 sena, f’Malta, l-età medja hi dik ta’ madwar 32 sena.

Fuq il-faċċata rapport li jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat naqas milli jispeċifika min se jħallas għall-mina ta’ Pembroke, jekk hux l-iżviluppaturi jew il-poplu.  Il-Prim Ministru qal li d-dettalji tal-ispejjeż jinsabu mniżżla fil-master plan ta’ Paceville.

Maltatoday

Fuq il-faċċata storja li tirraporta x’qal l-ex Ministru għall-affarijiet barranin George Vella fuq l-okkupazzjoni Iżraeljana fuq art li l-Palestinjani jqisu bħala tagħhom, bħala att ta’ tindif etniku.  L-ex Ministru Vella kien qed jitkelleb f’attività fejn il-Palestinjani fakkru s-sebgħin anniversarju meta seba’ mitt elf Palestinjan tkeċċew minn djarhom.

Fuq il-faċċata wkoll l-istorja tal-kuntistabbli tal-pulizija ta’ 48 sena, Simon Schembri li għadu fil-periklu tal-mewt wara li ġuvni ta’ 17-il sena tajru u baqa’ għaddej minn fuqu f’Ħal Luqa.

Storja oħra tgħid li seba’ snin wara produzzjoni teatrali Stitching ma tħallietx issir għall-pubbliku, il-Qorti Ewropea għad-drittijiet umani ddeċidiet kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati u anki dik Kostituzzjonali.  Il-Qorti Ewropea qalet li f’dan il-każ Malta kisret il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, u b’hekk il-Gvern weħel €20,000 fi spejjeż legali u d-danni ta’ dan il-każ.

In-Nazzjon

Fuq il-faċċata ritratt tax-xena brutali f’Ħal Luqa meta lbieraħ filgħodu kuntistabbli tal-pulizija rċieva azzjoni mill-iktar krudili, meta ġuvni ta’ 17-il sena tajru u baqa’ għaddej minn fuqu bil-karozza u ħarab.  Fuq il-faċċata l-ġurnal jagħtina ritratt tal-ġuvni li wettaq dan l-att krudili Liam Debono u ritratt tal-kuntistabbli tal-pulizija Simon Schembri li sofra dan l-att waqt li kien qed jagħmel xogħlu.

L-Orizzont

Fuq il-faċċata L-Orizzont b’għadd ta’ stejjer fosthom storja li tgħid li l-kumpanija Cassar Ship Repair tneħħi l-vapur inkaljat fil-Qawra li kien ilu hemm sa mill-10 ta’ Frar u minkejja li kien qed ikerrah l-ambjent, spiċċa popolari fuq l-midja soċjali, b’turisti li saħanistra jiġu jieħdu r-ritratti ta’ dan il-vapur.

Storja oħra tgħid li daħlet fis-seħħ il-liġi ġdida dwar il-midja, b’libertajiet bla preċedent lill-espressjoni ġurnalistika.

Storja oħra fuq il-faċċata b’reazzjonijiet varji tal-ftuħ tal-ambaxxata ġdida Amerikana f’Ġersulemm.

Fuq il-faċċata wkoll l-istorja tal-kuntistabbli tal-pulizija li safa mtajjar, b’reazzjoni tal-President tal-Union tal-Pulizija Sandro Camilleri jgħid li din hija ħdura li hawn għall-pulizija.  Il-ġuvni ta’ 17-il sena li wettaq dan l-att mill-iktar krudili se jitressaq il-Qorti llum.