Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum
Din hija ħarsa ħafifa lejn l-istejjer fuq il-faċċata tal-erba’ ġurnali tal-lum – il-Ħamis – 17 ta’ Mejju:
In-Nazzjon tirrapporta li Liam Debono ta’ sbatax-il sena minn Ħal Tarxien se jkun qed jiffaċċja xejn inqas minn 22 kap ta’ akkuża fil-konfront dirett tiegħu wara li nhar it-Tlieta filgħodu tajjar pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku, kaxkru bil-karrozza għal aktar minn 150 metru u wara dan kollu ħarab mill-post tar-reat. L-akkużat, li jidher fir-ritratt, wieġeb li mhux ħati, filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa u qalet li l-akkużat jista’ jeħel sa għomru priġunerija.
Ir-rapport jgħid li sadanittant il-pulizija Simon Schembri għadu qed jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
F’rapport ieħor insibu li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija wara rapport ta’ stupru, li seħħ nhar it-Tnejn li għadda, wasslu biex kien arrestat żagħżugħ li rriżulta li kien għadu kemm ħareġ mill-ħabs.
Times of Malta tirrapporta li żagħżugħ ta’ sbatax-il sena ġie akkużat li pprova joqtol pulizija wara li tajru f’Ħal Luqa, waqt li qed jiżdied it-tħassib dwar in-nuqqas ta’ assigurazzjoni għall-membri tal-korp tal-pulizija. Liam Debono, li m’għandux indirizz fiss, wieġeb li mhux ħati tal-akkużi kontrih, li jinkludu li kkawża ġrieħi gravi lil uffiċjal tal-pulizija, li uża Mercedes bi pjanċi foloz, li saq il-vettura mingħajr il-kunsens ta’ sidha, kif ukoll mingħajr liċenzja u assigurazzjoni.
Rapport ieħor jgħid li l-kunsilli lokali kollha, għajr għal sitta, ġew imultati u qed jaffaċċjaw azzjoni ġudizzjarja wara li nstab li l-uffiċini tagħhom jiksru l-liġi tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
L-Orizzont jirrapporta li minkejja s-sinjali li l-Kuntistabbli Simon Schembri għamillu b’idejh biex ma jsuqx meta nduna li dan kien qed jirrejżja l-karozza, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena mhux biss ma tax kasu iżda għafas il-gass, kaxkru miegħu u baqa’ jserrep bih it-triq kollha sakemm inqala’ minn mal-karozza. Jgħid li l-Kuntistabbli Schembri, li għandu 48 sena u huwa missier ta’ tlett itfal, kien waqqaf lil Liam Debono minħabba li ma kienx liebes is-seatbelt u meta mar biex iġib xi karti mill-kompartament ta’ wara tal-mutur tiegħu, iż-żagħżugħ saq għal fuqu. Il-Kuntistabbli Schembri għadu f’qagħda kritika.
Rapport ieħor jgħid li l-Gozo Channel beħsiebha tiftaħ kawża fil-konfront taż-żewġ persuni li tressqu fil-Qorti b’rabta  mat-theddida ta’ bomba li saret il-ġimgħa li għaddiet. Iċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li l-ammont jitla’ għal eluf ta’ ewro.
Fuq il-faċċata tal-Orizzont insibu l-esperjenza ta’ Noel Aquilina, li twieled bil-kundizzjoni spina bifida. Fi kliemu, is-soċjetà ġġib diżabbli lil persuna.
The Malta Independent jirrapporta li residenti, attivisti u ċittadini oħrajn, ilbieraħ inġabru f’Pembroke biex jipprotestaw kontra l-iżvilupp propost mill-Grupp DB, biex tinbena lukanda, torri residenzjali u ħwienet minflok il-binja tal-Istitut tal-Istidji Turistiċi f’San Ġiljan. Il-proġett ħoloq kontroversja sa mill-bidu wara li l-Gvern kien akkużat li qed ibigħ l-art bi ftit flus. Il-proġett propost jinkludi torri ta’ 37 sular u lukanda ta’ 19-il sular.
Fi storja oħra, żagħżugħ ta’ 17-il sena, Liam Debono, lbieraħ kien akkużat b’attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli tal-pulizija Simon Schmebri  wara li nhar it-Tlieta filgħodu f’Ħal Luqa saq fuqu. Il-pulizija sofra ksur fil-pelvis u l-kustilja; b’idu x-xellugija mill-minkeb ‘l isfel kellha tinqata’ riżultat tal-ġrieħi li ġarrab. L-istorja akkumpanjata bir-ritratt taż-żagħżugħ jiddaħħal fil-binja tal-Qorti.
Aħbarijiet Oħra
Lokali

8,601 persuna ffirmaw il-petizzjoni favur il-protezzjoni tal-embrijun li tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Parlament. Fi stqarrija, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia qal li nqalgħu xi problemi fil-petizzjoni wara li Google aġġornat…

Lokali

Skont l-aħħar figuri, fl-ewwel sena tal-operat tagħha l-iskema  ġdida ta’ BATREE rnexxielha tirdoppja n-numru  ta’ batteriji użati miġbura fuq is-snin ta’ qabel. BATREE , l-iskema ġdida  mħaddma mil-Kooperativa GreenPak  flimkien…

Lokali

13:15 Qalu li fl-akkwati tal-kosta ta’ San Pawl il-Baħar sabu n-numru 99623741 li rriżulta mill-investigazzjoniji li għamlu huwa ta’ George Degiorgio. Qalu li dan il-mobile kien konsistenti li jinsab fuq…

Aktar