Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum 18 ta’ Mejju, 2018

TIMES OF MALTA

tirrapporta li mħallef tal-qorti suprema ilbieraħ wissiet lil wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li se jiffaċċja konsegwenzi jekk jirrepeti kliem li jistgħu jiġu interpretati bħala theddid. It-twissija saret lil Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-fulu li qal il-kliem “Inneħħuha ‘l din. Inneħħuha ‘l din” waqt li kien miexi qrib l-avukat Therese Comodini Cachia, waqt li jgħolli jdejh bil-manetti. Ir-rapport jgħid li dan seħħ meta s-Sur Degiorgio kien qed jiġi eskortat lejn il-lift minn tliet gwardji tas-sigurtà armati u lemaħ lill-armel ta’ Daphne Caruana Galizia u Dr Comodini Cachia, Deputat Nazzjonalista, li qed tidher għall-familja. Fir-ritratt jidher Alfred Degiorgio, il-Fulu, fuq ix-xena tal-qtil waqt l-aċċess li l-qorti għamlet ix-xahar li għadda.

Rapport ieħor jgħid li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li żewġ studenti tal-liġi li nħelsu mill-imħallfin minkejja li nstabu ħatja ta’ serq se jingħataw il-warrant biex jipprattikaw il-professjoni tagħhom.

L-ORIZZONT

tirrapporta li avukati li tkellmu ma’ dan il-ġurnal spjegaw li l-prassi biex il-kumpanija Gozo Channel tirkupra d-danni li sofriet jew li tista’ ssofri b’riżultat tat-telefonata anonima li kienet saret il-ġimgħa li għaddiet u li minħabba fiha ma setgħetx toffri s-servizz għal diversi sigħat biex jiġi aċċertat li ma kien hemm ebda periklu għal passiġġieri, hi billi tiftaħ proċeduri ċivili fil-konfront ta’ min għamel it-telefonata anonima.

Rapport ieħor jgħid li minn figuri tal-NSO rriżulta li dawk li siefru bejn Jannar u Marzu li għadda żdiedu bi 19.5% fuq l-istess tliet xhur tal-2017 b’dawk lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdiedu bi 17.1% mentri dawk barra l-Unjoni Ewropea raw żieda ta’ 45%.

Fi storja oħra l-Orizzont jirrapporta li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li bħalissa għaddejjin b’diskussjonijiet interni, għalkemm għadu kmieni, biex wieħed jara x’jista’ joffri lil Kuntistabbli Simon Schembri bħala xogħol. Qal li qed jiġu kkonsidrat li jew ikompli fil-Korp tal-Pulizija jew fl-Akkademja tal-Pulizija imma li jibqa’ jaħdem fi ħdan il-Ministeru
u jaħdem ukoll fuq suġġetti li huma relatati mal-esperjenzi u l-kapaċitajiet tiegħu.

F’rapport ieħor li jkompli fil-pagni ta’ ġewwa l-President tal-MDA u l-ERA jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar it-tniġġis fil-Balluta, bl-ERA ttenni li l-iżviluppatur “kiser il-liġijiet ambjentali”.

THE MALTA INDEPENDENT

tirrapporta li l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji qalet lil The Malta Independent, bi tweġiba għall-mistoqsijiet dwar l-istqarrija tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar il-ħlasijiet tal-Bank Ċentrali lil kredituri ta’ Pilatus Bank, li dawk il-ħlasijiet saru b’fondi ta’ Pilatus Bank miżmuma mill-Bank Ċentrali għal ħtiġijiet bażiċi ta’ kuljum.

Rapport ieħor jgħid li mindu ħarġu l-pjani biex selmun Palace jitpoġġa fuq is-suq, il-kelliem tal-oppożizzjoni għall-ippjanar Marthese Portelli staqsiet jekk dan il-proċess hux se jkun trasparenti, jekk hux se jingħata valur ġust u jekk hux se jkun rispettat il-wirt ta’ Malta.

Bir-ritratt tal-captain ta’ Juventus Gianluigi Buffon ħabbar li se jitlaq mill-klabb Taljan, iżda l-goalkeeper jista’ jkomplu jilgħab xi mkien ieħor. Huwa jitqies bħala wieħed mill-aqwa goalkeepers ta’ kull żmien.

IN-NAZZJON

bi storja waħda fuq il-faċċata dwar Christopher Chandler – il-biljunarju minn New Zealand, li dan l-aħħar issemma fil-Parlament Ingliż, u kien indikat bħala persuna qrib ta’ Vladimir Putin, b’interessi finanzjarji fir-Russja u b’allegazzjonijiet li kien imdaħħal fil-ħasil ta’ flus ġejjin minn dak il-pajjiż. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet huwa spjega kif kien kiseb il-passaport Malti. F’intervista mas-Sunday Times ta’ Londra tal-Ħadd li għadda, Chandler qal li hu akkwista “passaport rispettat ta’ pajjiż rispettat”. Ir-rapport jghid li meta wasal Malta, tkellem ma’ bank lokali, li introduċieh ma’ Pilatus Bank, li qal ma kienx jafu minn Adam.

Jgħid li s-Sunday Times qalet li Chandler imbagħad akkwista l-passaport Malti wara li kien għamel ‘investiment’ ta’ aktar minn miljun lira stetlina f’Pilatus Bank, li fiż-żmien ta’ wara kellu l-assi tiegħu iffriżati u s-sid tiegħu (Ali Sadr Hashemin Nejad) kien arrestat fl-Istati Uniti fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus li ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ Chandler.