Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum, 22 ta’ Mejju, 2018

L-ORIZZONT

Jikkwota għalliema tgħid “Bdejna niżlin in-niżla.” Marica Micallef tgħid li ilha tgħallem għal 17-il sena u daret ħafna skejjel, kemm dawk tal-Istat, kif ukoll tal-Knisja. Tħoss li t-tfal ingħataw ħafna drittijiet imma dan mhuwiex bilanċjat mad-dmirijiet tagħhom. Fi kliemha t-tfal ma jafux x’inhuma d-dmirijiet tagħhom.

Storja oħra tgħid li ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 28% fir-rata tal-qgħad. Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA), Joseph Farrugia qal li li jkollok il-qgħad f’livell baxx huwa tajjeb ħafna, però qal li dawn il-figuri jġibu ċertu problemi tagħhom. Spjega li bħalissa, għandek sitwazzjoni li għandek domanda kbira għas-sigħat tax-xogħol però m’għandekx nies biex jaħdmu u għalhekk qed jinġiebu numru ta’ ħaddiema barranin, biex tinstab soluzzjoni ta’ dawn il-problemi.

Permezz tar-ritratt, l-Orizzont jgħid li bdiet il-ħidma biex jinqala’ l-vapur inkaljat fil-Qawra. Jgħid li Cassar Ship Repairs mistennija tneħħi l-vapur fi żmien xahar… dejjem jekk it-temp jippermetti.

THE MALTA INDEPENDENT

ukoll b’ritratt tal-ħidma li bdiet ilbieraħ filgħodu biex jitneħħa l-vapur Haphaestus, li fl-10 ta’ Frar inkalja fil-Qawra. Fi stqarrija, il-ġimgħa li għaddiet Transporta Malta qalet li x-xogħol mistenni jieħu madwar ħamsa u tletin ġurnata.

Rapport ieħor jgħid li l-istudenti li qed jiġu Malta biex jitgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija qed jiġu minn pajjiżi li qabel ma kinux jagħżlu lil Malta bħala destinazzjoni tal-għażla tagħhom. Dan filwaqt li qed jonqsu l-istudenti, li jiġu minn swieq aktar tradizzjonali bħall-Olanda, l-Iżveżja, Spanja u l-Libja. Ir-rapport jgħid li Malta qed tattira aktar studenti mill-Marokk, il-Ġappun u l-Brażil. Din l-informazzjoni toħroġ minn stħarriġ ikkummissjonat lil Deloitte mill-Federazzjoni tal-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż, FELTOM.

The Malta Independent tirrapporta wkoll li l-Qorti tal-Maġistrati ddeċidiet li l-kumpanija 17 Black għandha tiġi investigata imma din għandha ssir bħala parti minn inkjesta li diġà bdiet u mhux tinfetaħ inkjesta ġdida. It-talba għal inkjesta ġdid saret mill-ex Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa wara informazzjoni ġdida li ħarġet minn Daphne Project.

IN-NAZZJON

jirrapporta li fir-Reġistru tal-Pedofeli hemm l-isem ta’ 58 persuna li f’xi mument jew ieħor tal-ħajja tagħhom żbaljaw bl-ikrah u għamlu xi tip ta’ abbuż fuq tfal u minorenni.

Storja oħra bit-titlu “Il-Qorti tilqa’ t-talba biex issir investigazzjoni dwar 17 Black”, tgħid li l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus permezz tal-kumpanija 17 Black għandhom jiġu investigati permezz ta’ inkjesta fil-Qorti. Hu dan li jirriżulta minn deċiżjoni tal-Maġistrat Francesco Depasquale, li ngħatat ilbieraħ wara talba li saret mid-deputat parlamentari Simon Busuttil u l-ewrparlamentari Nazzjonalista David Casa.

Permezz tar-ritratt, In-Nazzjon ukoll jgħid li bdiet l-operazzjoni tat-tneħħija tal-vapur inkaljat fil-Qawra.

Fuq il-faċċata nsibu r-ritratt uffiċjali tat-tieġ tad-Duka u Dukessa ta’ Sussex, il-Prinċep Harry u Meghan Markle.

U rapport ieħor jgħid li Luigi Di Maio, il-Kap tal-Moviment Cinque Stelle u Matteo Salvini, il-Kap ta’ La Lega, ilbieraħ filgħaxija marru għand il-President Taljan Sergio Mattarella biex iħabbru li kienu laħqu qbil dwar il-Gvern ġdid Taljan. Dan xahrejn wara li saret l-elezzjoni.

TIMES OF MALTA

ukoll għandha ritratt tal-operazzjoni biex jitneħħa l-vapur Hephaestus minn fuq il-blat fil-Qawra.

Il-ġurnal jgħid li Maġistrat ilbieraħ iddeċieda li minkejja li hemm il-bażi biex tinfetaħ inkjesta kriminali dwar l-aħħar revelazzjonijiet fuq il-kumpanija bbażata Dubai – 17 Black – inkjesta separata tirdoppja x-xogħol ta’ inkjesta pendenti fuq ħasil ta’ flus. Il-Maġistrat Francesco Depasquale kien qed jiddeċiedi fuq talba għal investigazzjoni dwar rapporti ta’ Daphne Project, li saret mill-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-ewroparlamentari David Casa.

Times of Malta tirrapporta li l-Kamra tal-Periti, Din l-Art Ħelwa u Flimkien għal Ambjent Aħjar ħadu lill-Awtorità tal-Ippjanar il-qorti dwar id-deċiżjoni tagħha li tħalli li l-binja li kienet tas-Sea Malta titwaqqa’ taħt il-proċedura maħsuba għal strutturi perikolużi. Il-binja twaqqet f’Novembru li għadda, bl-Enemalta tiddikjara li kienet qed tneħħu strutturi perikolużi li kienu f’riskju li jaqgħu.