Lokali

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin tal-ġurnali tal-lum

The Times of Malta

Fuq il-faċċata ritratt tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker li waqt diskors li għamel fil-Parlament Ewropew ilbieraħ, qal li r-riħ qed jonfoħ favur l-Unjoni Ewropea.  Juncker ħeġġeġ lill-Istati Membri biex l-irkupru ekonomiku u Brexit jintużaw bħala mezz biex l-Unjoni Ewropea tieħu spinta kbira ’l fuq.  Fid-diskors annwali tiegħu dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea, Juncker tkellem dwar il-viżjoni tiegħu għall-Unjoni Ewropea wara l-2019, fejn b’kollox mat-30 pajjiż se jkunu qed jużaw il-munita ewro. Tkellem ukoll kif l-Unjoni Ewropea u mhux l-Istati Uniti se tkun il-post ċentrali dinji għall-kummerċ ħieles.

Fuq il-faċċata wkoll, storja li tgħid li lbierah il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella biex il-pajjiż kollu jerfa’ biċċa mill-piż tal-immigranti li hemm fil-Marsa.  Qal li huwa jifhem dak li għaddejjin minnu r-residenti tal-Marsa u li f’ġieħ is-solidarjetà hemm bżonn li l-piż jinqasam mal-pajjiż kollu.

L-Orizzont

Fuq il-faċċata wkoll b’ritratt tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker bit-titlu “Ewropa aktar b’saħħitha magħquda u demokratika”, b’Juncker jagħmel diskors ta’ kuraġġ u pożittiv dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Fil-faċċata wkoll storja li tgħid li qed ifeġġu iktar xquq fil-Partit Nazzjonalista jumejn biss qabel l-elezzjoni ta’ kap gdid, b’esponenti Nazzjonalista jirrikorru għall-mezzi soċjali biex  juru l-appoġġ jew għal Chris Said jew għal Adrian Delia. L-istorja tirraporta dak li kitbet l-Ewroparlamentari Roberta Metsola li pubblikament qed tagħti appoġġ lil Chris Said.

Storja oħra tirrakkonta tfajla ta’ 25 sena fuq il-Facebook biex turi t-tbatija li sofriet meta sfat msawta  minn missierha, saret omm ta’ tifel bl-awtiżmu u waqgħet f’dipressjoni.  Din it-tfajla fetħet qalbha biex turi minn dak li għaddiet minnu, fejn fuq dan is-sit kien hemm bosta li tawha messaġġi ta’ kuraġġ.

The Malta Independent

Fuq il-faċċata ritratt tal-President Taljan Sergio Mattarella flimkien mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca jaqsmu flimkien ir-rigali fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.

L-artiklu prinċipali tal-ġurnal jikkwota liċ-Chairman tal-Kunsill tal-Arti Albert Marshall jgħid li d-disgwid bejn Brian Schembri u Sigmund Mifsud kienu dwar il-kuntratt ta’ Schembri. Marshall jgħid li l-kuntratt ġie mwaqqaf f’Awwissu li għadda u saru laqgħat ta’ medjazzjoni. F’Lulju li għadda l-Ministru għall-Arti u l-Kultura Owen Bonnici kien talab li ssir laqgħa ta’ medjazzjoni bejn Schembri u Mifsud u kien talab lil Marshall biex jassisti f’din il-medjazzjoni.

Artiklu ieħor fil-faċċata tal-ġurnal jirrapporta dritt ta’ risposta mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista dwar artiklu li ppubblika l-istess ġurnal. Il-Kummissjoni Elettorali tgħid li l-artiklu, dwar it-tesserati għal għomorhom huwa mibni fuq informazzjoni żbaljata.

In-Nazzjon

Fuq il-faċċata ritratt tal-President Taljan Sergio Mattarella waqt żjara statali ta’ jumejn f’Malta. Il-ġurnal jirrapporta li l-President Taljan kellu taħditiet mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Fil-faċċata ssir referenza għall-aħħar jum li t-tesserati jistgħu jiġbru d-dokument tal-vot għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, liema elezzjoni se ssir nhar is-Sibt li ġej.

Artiklu li nsibuh fil-faċċata tal-ġurnal huwa dwar żewġ Rumeni li ġew arrestati fil-Mosta. Il-ġurnal jirrapporta li jissuktaw każijiet ta’ pick-pocketing f’żoni turistiċi.