X

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

The Sunday Times

Fuq il-faċċata, ritratt tal-mexxej tal-partit demokratiku Dr.Godfrey Farrugia li ddeċieda li jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fejn qal li jrid li l-Partit Demokratiku iħoss li d-demokrazija tal-pajjiż tinsab mhedda.

Fuq il-faċċata wkoll storja dwar l-immigrant mill-kosta tal-avorju li nqatel fis-6 ta’ April li għadda, deskritt bħala bniedem li kien magħruf bħala s-sammaritan it-tajjeb.  Il-ġurnal jgħid li l-immigrant probabbilment inqatel meta kien fi triqtu lura wara li kien għadu kif qassam ikel lill-immigranti f’Ħal Far.  Immigranti li kienu jafuh sew qalu li r-raġel kien ta’ spiss jagħti għajnuna minn butu lill-immigranti wara li jlesti mix-xogħol.

Storja oħra tgħid li l-linja nazzjonali tal-ajru l-Airmalta qed tbassar li se tirreġistra telf għal din is-sena. Minkejja li għas-sena li għaddiet il-linja nazzjonali tal-ajru ġiet iddikjarata li għamlet qliegħ ta’ 1.2 Miljun Ewro, skont il-ġurnal, li kieku mhux għax il-kumpannija daħħlet 34 miljun ewro minn ‘landing rights’, kieku kienet tirreġistra telf ta’ 17 –il miljun ewro.

 

It-Torca

Fuq il-faċċata tal-ġurnal, storjal i tgħid li l-GWU għaddejja b’diskussjonijiet biex id-direttiva tal-Work Live Balance u miżuri oħra favur il-ħaddiem jiġu mplimentati mill-iktar fis possibbli.  Il-ġurnal jitkellem mas-segretarju ġenerali tal-GWU Josef Buġeja jgħid li l-Union qed taħdem biex il-ħaddiem ikollu bilanċ bejn il-karriera u l-familja u jitnaqqas l-istress minn fuq il-ħaddiema.

Storja oħra fuq il-faċċata tirraporta lill-ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli li kellha taħdita mal-ġurnalisti tal-Union Print fuq ix-xogħol tagħha fil-Parlament Ewropew u l-isfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea.

 

Il-Mument

B’ritratt ta’ Dr Miriam Dalli, l-ewroparlamentari Laburista u storja li tgħid li Miriam Dalli daħqet bil-parteċipanti nisa tal-programm LEAD tal-partit Laburista, immirat biex iktar nisa joħorġu għad-dinja politika.    L-istorja tgħid li minkejja li suppost dan il-programm wassal għal iktar kandidati nisa, ebda mara ma ħarġet għall-elzzjoni tal-parlament ewropew, ħlief hi stess u li allura LEAD skont il-ġurnal serva biex imbotta lil Miriam Dalli stess.

Fuq il-faċċata wkoll il-ġurnal ifakkar li għada se tibda l-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet kemm tal-kunsilli lokali u għall-parlament Ewropew, bil-ġurnal jagħmel intervista mas-segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.  L-artiklu jgħid li l-Kaptal-PPE ManfredWeber se jkunf’Malta għall-KunsillĠeneralital –PN l-Ħaddli ġej u li se ssir maratonata’ ġbir ta’ fondi fl-1ta’Mejju b’risq il-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropewu tal-KunsilliLokali.

 

Maltatoday.

Fuq il-faċċata wkoll li fil-pajjiż nqala’ diżgwid diplomatiku wara li l-ex Ministru għall-affarijiet barranin Alex Sciberras Trigona ppropona biex f’Malta isir summit storiku bejn l-Istati Uniti u r-Russja, summit li jkun identiku għal dak li kien sar fl-1989 b’laqgħa bejn l-ex Presidenti Mikhail Gorbachev, u George H.W. Bush.  Minkejja li summit bħal dak kien se jkun ta’ ġid għal Malta jidher li kemm l-ambaxxata Amerikana u anki dik Russa kienu tal-opinjoni li din kienet tkun mossa negattiva.   Alex Sciberras Trigona huwa l-mibgħut Malti fl-organizazzjoni dinijija tal-kummerċ.

Storja fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Airmalta, bil-ġurnal jgħid li din il-linja nazzjonali tal-ajru li s-sena li għaddiet rreġistrat profitt, jidher li għamlet dan b’għaqal f’min iżomm il-kontijiet tal-kumpannija u għax il-linja nazzjonali tal-ajru bbenefikat minn flus li taha l-Gvern.  Il-kontijiet tal-Airmalta għas-sena finanzjarja li għalqet f’Marzu tal-2018 ddaħħlu l-ġimgħa li għaddiet.

 

Illum

Fuq il-faċċata ritratt tal-president il-ġdid tal-MUMN Paul Pace u ritratt tal-Ministru għas-saħħa Chris Fearne li qed jissiletu bejniethom fuq l-istat tal-isptar Monte Karmeli.  Is-Sur Pace jisħaq li s-sitwazzjoni f’dan l-isptar hija gravi, fosthom b’14 –il sala b’saqaf ikkundannat, filwaqt li l-Ministru Fearne jgħid li bdiet issir il-ħidma, tant li sittin pazjent se jkunu rilokati fi swali ġodda fis-sajf li ġej.

Storja oħra tgħid kif waqt ċelebrazzjoni solenni f’Birżebbugia, il-kappillan Dun Anton Galea Scannura b’messaġġ kontra l-mibegħda u jfakkar lill-immigrant mill-Kosta tal-Avorju li nqatel fis-sitta ta’ April li għadda waqt li kien għaddej għall-affari tiegħu fi triq.  Il-kappillan tkellem kontra l-mibegħda u kif min iħobb lil Kristu jittollera lil kull min hu differenti.

 

Kullħadd

Fuq il-faċċata ritratt taż-żewġ deputati tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia, u l-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil , u b’titlu kbir li jgħid li dawn kisru wegħda mal-Għawdxin u dan għaliex Simon Busuttil u Dr Marlene Farrugia u Dr Godfrey Farrugia kienu assenti mill-vot dwar il-link permamenti għal Għawdex, u li Dr Simon Busuttil reġa’ ħadha kontra d-direzzjoni tal-Kap Adrian Delia u kiser il-kelma tiegħu stess għax hu kien għamel wegħda għal link permanenti għal Għawdex fil-manifest elettorali tal-Forza Nazzjonali.

Fuq il-faċċata wkoll titli li jgħidu li għall-festa tal-ħaddiem tal-ewwel ta’ Mejju, il-Partit Laburista stieden lill-artista Corona u lid-Dj Federico Scavo biex jagħtu spettaklu, u li l-Partit Laburista se jlaqqa’ konferenza ġenerali b’differenza.

 

The Malta Independent.

Fuq il-faċċata, ritratt ta’ attivita’ ħelwa li għamlu l-Mosta Scout Group billi libsu ta’ karattri ta’ eroj li jħobbu t-tfal biex iferrħu lill-pazjenti ċkejkna tal-isptar Mater Dei, billi xxabtu mal-ħitan, biex it-tfal rikoverati jkunu jistgħu jarawhom mit-twieqi.

Storja oħra fuq il-faċċata dwar mara transgender ta’ nazzjonalita’ barranija Pippa Dos Cantos Crisostomo li tkellmet mal-ġurnal dwar l-esperjenza tagħha li spiċċat fil-ħabs f’Malta wara li kienet daħħlet id-droga, u li tgħid li tħoss li minkejja li spiċċat il-ħabs, din kienet esperjenza pożittiva għaliha, għaliex fil-ħajja tat-traffikar tad-droga, kellha ħajja miżera ħafna.

Storja oħra titratta dwar l-infurzar tal-liġi f’kull settur u anki nuqqasijiet li jsiru. Il-ġurnal qal li minn 2,500 spezzjoni fil-kostruzzjoni f’Malta u Għawdex instab li iktar minn nofshom kienu qed jiksru l-liġi. Is-sena li għaddiet Transport Malta ħarġet 14,000 multa, u rċeviet ‘l fuq minn 18000 rapport dwar duħħan iswed li joħroġ mill-vetturi u li huwa kontra l-liġi.