Lokali
Ħarsa lejn l-istejjer tal-ġurnali tal-lum

Ħarsa lejn il-ġurnali llum l-Erbgħa l-1 t’April – nibdew bil-ġurnal. Il-ġurnal The Malta Independent, juri ritratt ta’ żewġ kuntistabbli tal-pulizija fuq il-ħidma tagħhom jgħassu biex in-nies ma tinġabarx fi gruppi. Artiklu ieħor huwa dwar kif in-numru ta’ każi ta’ coronavirus issa telgħu għal 169, bit-titlu tal-artiklu jappella lill-pubbliku biex jibqa’ ġewwa. F’artiklu ieħor, intervistat il-Ministru tal-Agrikoltura Anton Refalo li jgħid li l-Agrikoltura u s-Sajd qed jintlaqtu ħazin ħafna minħabba l-effetti li qed iġġib magħha l-imxija tal-COVID-19.

Fil-faċċata tal-ġurnal, In-Nazzjon artiklu jikkwota lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’messaġġ jgħid li l-pajjiż irid ikollu l-abbilità li jġib l-interess nazzjonali l-ewwel. Storja b’ritratt hija dwar żagħżugħ Malti li ntlaqat mill-COVID-19 u kellu jiddaħħal fi sptar f’Barċellona fi Spanja fejn jgħix. Matthias Kentzia qal li llum huwa reġa’ qiegħed id-dar iżda jgħid li l-coronavirus ħallieh paralizzat minħabba d-deni qawwi li ħakmu. U storja oħra tirrapporta l-każi ġodda ta’ COVID-19 biex it-total issa huwa ta’ 169.

U fil-gazzetta Maltatoday fil-faċċata ta’ quddiem storja dwar koppja Maltija fuq cruise liner għad m’għandhomx permess biex jinżlu minn fuq il-vapur meta dan ikun ‘il barra minn Malta. Il-koppja ta 70 sena qabdu l-cruise fuq il-bastiment Columbus fl-aħħar ta’ Frar, bil-Maltatoday ħadet il-kummenti tal-Ministri Ian Borg u Evarist Bartolo dwar is-stiwazzjoni taż-żewg Maltin. Storja oħra fil-faċċata tal-Maltatoday hija dwar id-deċiżjoni fuq restrizzjonijiet ta’ vjaġġar bejn Malta u Għawdex li issa huwa limitat biss għall-vjaġġar essenzjali u artiklu ieħor fuq il-possibiltà li uħud mis-servizzi mediċi jiġu trasferiti lejn il-campus tal-Università biex ikun hemm iktar spazju jekk tinqala’ l-ħtieġa.

Times of Malta li fl-ewwel faċċata jurina żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija mis-sezzjoni tal-Kavallerija li ‘lbieraħ wettqu spezzjonijiet fi spazji pubbliċi biex jassiguraw li ma jkunx hemm ġemgħat ta’ iktar minn tlett persuni. Dan fid-dawl ta’ regoli ġodda fl-isfont tal-imxija tal-COVID-19. Storja oħra hija dwar ir-restrizzjonijiet imħabbra ‘lbierah dwar vjaġġar lejn Għawdex, ukoll maħsuba biex titrażżan l-imxija tal-COVID-19. Fit-tielet storja, Transport Malta ġiet ordnata tħallas 115-ilelf ewro wara li nstab li m’għamlitx biżżejjed biex jiġi evitat inċident fatali tat-traffiku li ħasad il-ħajja ta’ żagħżugħ ta’ 25 sena fl-2011. Il-qorti tal-Appell qalet li Transport Malta ma’ għamlet xejn biex tevita l-periklu, wara li fl-istess post ftit snin qabel kienet mietet mara oħra.

Fil-faċċata tal-Orizzont, ritratt ieħor ta’ żewg membri tal-Kavallerija li ‘lbierah kienu qed jgħassu anke fil-kampanja biex nies fi gruppi ta’ iktar minn tlieta ma jinġabrus. It-titlu tal-istorja jgħid li bdew jinħarġu multi ta’ mitt ewro għal dawk li kienu miġbura fi gruppi. Storja oħra ukoll marbuta mal-pandemija prezenti tal-coronavirus, tgħid li din se ġġib kriżi finanzjara ikbar minn dik tal-2009 b’sorsi qrib il-Gvern jgħidu lill-ġurnal li l-Kummissjoni Ewropea għandha dokumenti f’idejha li juru li d-daqqa fl-ekonomija se tkun kbira. Rapport ieħor fil-faċċata tal-Orizzont huwa dwar it-13-il każ gdid ta’ COVID19 li tħabbru ‘lbierah u artiklu ieħor jikkwota lid-direttur tal-Caritas jgħid li se jiżdiedu dawk bla saqaf fuq rashom.