Barranin
Ħatfulu lil ibnu ċkejken 24 sena ilu – fl-aħħar irnexxielu jsibu

Raġel li ilu mill-1997 ifittex lil ibnu ċkejken li nħataf minn quddiem id-dar, finalment irnexxielu jsibu.

Tul l-aħħar 24 sena Guo Gangtang dar bil-mutur f’20 provinċja fiċ-Ċina fi tfittxija għal ibnu, tant li sar popolari u sitt snin ilu nħadem film dwar l-istorja tiegħu.

It-tmiem tal-istorja reali issa huwa wieħed feliċi, hekk kif bis-saħħa tad-DNA l-Pulizija rnexxielhom isibu lil ibnu u jarrestaw żewġ persuni ssuspettati li kienu ħatfu lit-tifel.

Il-Pulizija temmen li t-tifel kien qed jilgħab quddiem id-dar tal-familja fil-provinċja Shandong meta nħataf minn mara li ħaditu fi stazzjon tat-trasport pubbliku, fejn iltaqgħet mas-sieħeb tagħha.

Flimkien il-koppja marru bit-tifel fil-provinċja Henan, fejn biegħuh lil xi ħadd. It-tifel, illum raġel, baqa’ jgħix f’din il-provinċja sal-lum.

Sakemm kien qed ifittex lil ibnu, Guo sar wiċċ magħruf f’organizzazzjonijiet ta’ tfal maħtufa, u għen diversi ġenituri oħra biex isibu lil uliedhom. Il-ħtif tat-tfal hija problema kbira fiċ-Ċina, b’eluf tat-tfal li jiġu maħtufa kull sena.