Barranin
Ħati li għamel nisa skjavi tas-sess f’kult li ħoloq fi New York

Keith Raniere ta’ 58 sena nstab ħati li għamel għadd ta’ nisa skjavi tas-sess permezz ta’ kult li kien imexxi fi New York, fl-Istati Uniti.

Huwa nstab ħati wkoll ta’ traffikar, pornografija tat-tfal, kif ukoll li mexxa racket. Il-ġudizzju ngħata fi tmiem ġuri ta’ sitt ġimgħat fi Brooklyn, b’Raniere qed jiffaċċja għomor il-ħabs.

Il-Qorti semgħet kif Raniere kien jinħeba taħt il-kappa tal-organizzazzjoni Nxium, li taparsi toffri appoġġ lin-nisa, biex idaħħal lill-vittmi fin-nasba.

Intqal kif in-nisa kienu jiġu mmarkati bl-inizjali ta’ isem Raniere, u kienu mistennija jkollhom x’jaqsmu miegħu. Fil-bidu li jidħlu fl-organizzazzjoni, Raniere kien jitlobhom ritratti kompromettenti tagħhom infushom, li iktar tard kien jirrikattahom bihom. Dan għamlu anku ma’ tfajla ta’ 15-il sena.

Minkejja li Raniere kien il-kap ta’ din l-organizzazzjoni, huwa ma kienx jaħdem waħdu. Numru ta’ deputati nisa kienu jgħinuh biex jattiraw nisa lejn il-kult u anki jiffinazjawh. Fost dawn l-attriċi Allison Mack, li ammettiet l-akkużi f’April u qed tiffaċċja 40 sena ħabs.

Ara wkoll:

Attriċi ta’ Smallville akkużata bi traffikar ta’ persuni għall-prostituzzjoni